Arsenal komplew bil-bidu impressjonanti għall-istaġun bit-tielet rebħa konsekuttiva, 3-0, għall-ispejjeż ta’ Bournemouth fil-Vitality Stadium. Ir-riżultati tal-Gunners, intant, qegħdin jirriflettu x-xogħol tajjeb tal-klabb fis-suq tat-trasferimenti u meta l-iskwadra ta’ Mikel Arteta qed tidher aktar b’saħħitha minn tas-snin preċedenti bl-akkwist ta’ diversi plejers validi. It-titjib fit-tim hu indiskutibbli u hawnhekk wieħed jista’ anki jiġbed il-paraguni bejn din il-fażi bikrija tal-kampjonat u l-bidu tal-istaġun li għadda meta Arsenal kienu tilfu l-ewwel tliet logħbiet fil-kampjonat. Dawn it-telfiet kienu wkoll fattur għalfejn il-Gunners ma kwalifikawx għaċ-Champions League għal dan l-istaġun, iżda Arteta jinsab determinat li jpatti għal dan in-nuqqas b’aktar wirjiet pożittivi filwaqt li t-tim jikseb aktar fiduċja fih innifsu Arsenal fetħu vantaġġ doppju fuq Bournemouth b’żewġ gowls opportunisti tal-midfielder-attakkant Norveġiż Martin Odegaard fil-5 u l-11-il minuta. U għalkemm iċ-Cherries ippruvaw iwettqu reazzjoni, l-aħħar kelma kienet tal-Gunners, bid-difensur William Saliba jiskorja l-ewwel gowl tiegħu għall-klabb b’xutt b’saħħtu u għat-tielet wieħed ta’ Arsenal.
Fl-ewwel logħba ta’ dan il-programm, Harry Kane skorja l-250 gowl tiegħu għal Tottenham Hotspur li għelbu l-isfida determinata ta’ Wolves, 1-0, f’The New White Hart Lane. Spurs, issa, għandhom seba’ punti mill-ewwel tliet logħbiet tal-kampjonat u l-mument deċiżiv wasal fl-64 minuta meta Kane għola bir-ras għall-kross ta’ Ivan Perisic (fuq azzjoni ta’ korner) u fejn ma ta l-ebda ċans lill-gowlkiper Malheiro de Sà. B’dan il-gowl, Tottenham saru l-ħames tim li skorja 1,000 gowl f’daru mindu kien iffurmat il-Premier League, fl-1992.
Crystal Palace kisbu rebħa tajba, 3-1, fuq Aston Villa — b’dan ir-riżultat jirriserva aktar diżappunt għall-manager tal-Villains Steven Gerrard. Kienu Villa li marru fil-vantaġġ wara biss ħames minuti b’gowl ta’ Ollie Watkins iżda Palace wieġbu anqas minn tliet minuti wara, b’Wilfried Zaha jikkonkludi għall-1-1 fuq kontra-attakk veloċi. Intant, Palace għamlu l-iskor 2-1 fit-tieni taqsima meta rebħu penalty għal hands fil-kaxxa ta’ Lucas Digne – b’Zaha jiskorja minn rebound wara li l-gowlkiper Martinez kien salvalu x-xutt mill-ħdax-il metru. It-tielet gowl kien fl-ajru u wasal meta s-sostitut Jean-Philippe Mateta (71) mill-ġdid għeleb lil Martinez b’xutt għar-rokna.
Everton kisbu l-ewwel punt tal-istaġun bi dro, 1-1, f’Goodison Park man-neo-promossi Nottingham Forest. L-ewwel 45 minuta ma produċewx azzjonijiet denji ta’ nota, bl-aktar mumenti drammatiċi jkunu riservati għat-tieni taqsima – bl-attakkant ta’ Forest Brennan Johnson jagħmilhom 1-0 fil-81 minuta u b’Demarai Gray isalva r-riżultat għat-Toffees żewġ minuti mit-tmiem. Dan il-gowl anki salva lil Everton milli jitilfu l-ewwel tliet logħbiet ta’ kampjonat ġdid kemm ilu jeżisti l-Premier League Ingliż.
Tim ieħor neo-promoss – Fulham – tela’ r-raba’ fil-klassifika b’rebħa, 3-2, fuq Brentford fi Craven Cottage. Bobby Decordova-Reid żblokka r-riżultat għal Fulham wara biss minuta, bil-Cottagers jirduppjaw bid-daqqa ta’ ras ta’ Palhinha Goncalves (20). Brentford, naqqsu l-vantaġġ qabel il-mistrieħ b’gowl ta’ Norgaard (44) u bil-prolifiku Ivan Toney jikseb parità għall-Bees, 20 minuta mit-tmiem. Intant, Fulham irnexxielhom jiskurjaw il-gowl deċiżiv fid-90 minuta, meta Aleksander Mitrovic mill-ġdid għeleb lil Raya bir-ras fuq l-assist ta’ Kevin Mbabu.
Leicester City komplew bil-wirjiet diżappuntanti fejn sofrew it-tieni telfa f’ġimgħa fil-kampjonat (1-2)– din id-darba ma’ Southampton. Il-gowls fil-King Power Stadium waslu kollha fit-tieni taqsima, b’James Maddison (54) jixħet lill-Foxes fil-vantaġġ bi freekick fantastiku u bis-Saints idawwru l-logħba kompletament b’żewġ gowls mis-sostitut Che Adams, skurjati fit-68 u l-84 minuta.
PREMIER LEAGUE
Illum: Tottenham v Wolves 1-0, C’Palace v Aston Villa 3-1, Everton v Nott. Forest 1-1, Fulham v Brentford 3-2, Leicester v Southampton 1-2, Bournemouth v Arsenal 0-3 Għada: Leeds v Chelsea 3.00pm, West Ham v Brighton 3.00pm, Newcastle v Man City 5.30pm It-Tnejn: Man. Utd v Liverpool 9.00pm
//= $special ?>