Lokali

AĠĠORNATA: Għadu ma nstabx l-aggressur jew aggressuri involuti fl-isparatura ta’ Ħad-Dingli

Għadu maħrub il-persuna jew persuni involuti fl-isparatura li seħħet ilbieraħ fil-limiti ta’ Ħad-Dingli – sparatura li ħalliet raġel fil-periklu tal-mewt wara li ntlaqat b’tir f’dahru.

Dan kollu kien ikkonfermat ma’ Net News mill-Pulizija, wara li l-Ġimgħa ġie sparat tir wieħed fil-farmhouse ta’ Ciantar, bl-aggressur jaħrab minn fuq il-post. L-arma li ntużat għadha wkoll ma nstabitx.

Il-vittma ġie operat fl-aħħar sigħat bl-istess kelliem tal-Pulizija jistqarr magħna li Noel Ciantar għadu fit-Taqsima tal-Kura Intensiva bil-kundizzjoni tiegħu għadha ma tippermettix li dan ikun mitkellem mill-Pulizija.

Fl-aħħar sigħat il-kundizzjoni tiegħu għal ħin twil kienet waħda serja, għalkemm issa jinsab f’kundizzjoni stabbli.

Skont il-Pulizija, f’dan l-istadju tal-investigazzjonijiet il-vittma biss jista’ jixħet aktar dawl dwar min sparalu u x’kien il-mottiv. U huwa għalhekk li qed jistennew li hu jirkupra sabiex ikun jista’ jiġi mitkellem mill-Pulizija.

Noel Ciantar, li għandu 49 sena u hu mir-Rabat. Il-Ġimgħa kmieni waranofsinhar spiċċa vittma f’din l-isparatura li seħħet barra l-proprjetà tiegħu f’Wied Ħażrun fil-limiti tas-Simblija – bejn Ħad-Dingli u r-Rabat.

Il-Maġistrat tal-Għassa Nadine Lia ħatret inkjesta maġisterjali dwar dan il-każ.