Lokali

Jiżdiedu bi 2.9% l-inċidenti fuq il-post tax-xogħol

Fl-ewwel nofs ta’ din is-sena f’pajjiżna kellna disa’ fatalitajiet fuq il-post tax-xogħol. Dan meta fl-istess perjodu tal-2021 l-imwiet kienu sitta – tlieta inqas minn din is-sena.

Ċifri maħruġa mill-Uffiċju Nazzjonali tal-Istatistika juru li l-inċidenti żdiedu bi 2.9% hekk kif sa Ġunju ta’ din is-sena kien rappurtat li 1,164 persuna weġġgħu fuq il-post tax-xogħol.

Dawn iċ-ċifri juru li l-maġġoranza ta’ dawn l-inċidenti seħħew fis-settur tal-manifattura; inċidenti li jammontaw għal 16.3%. Wara, hemm is-settur tat-trasport u l-ħażna, fejn seħħew 14.1% tal-inċidenti. Filwaqt li s-settur tal-kostruzzjoni jiġi fit-tielet post bi 13%.

L-inċidenti seħħew l-aktar fiż-żoni tan-naħa ta’ fuq tal-Port fejn 370 persuna kienu nvoluti f’inċident, filwaqt li fl-2021 kien hemm 356 persuna nvoluta f’inċident f’dawn l-istess zoni.

Kważi nofs l-inċidenti li seħħew fuq il-post tax-xogħol kienu ta’ nies li ndarrbu f’idejhom jew inkellha f’dirgħajhom. L-aktar ġrieħi komuni kienu feriti, korrimenti superfiċjali u ksur. Jidher li fl-ewwel nofs ta’ din is-sena 33.2% tal-inċidenti seħħew fost ħaddiema impjegati ma’ kumpaniji kbar li għandhom aktar minn 500 ħaddiem.