Lokali

“L-awtoritajiet nesewna, l-istat tal-binja huwa tal-biki”

“L-awtoritajiet mhux jagħtu kasna. Qed niġu injorati kontinwament, it-terrapien ilu hawn minn Marzu li għadda”

Dawn kienu uħud mill-kummenti li kitbu għadd ta’ residenti fuq Facebook dwar Binja Minzel. Binja li tinsab fi Triq Ġużi Abela fiż-Żejtun, b’filmati li rnexxielu jakkwista Net News jikkonfermaw dan kollu.

Fil-filmati evidenti ċertu periklu, bl-affarjiet sa anki tħallew fin-nofs. Dan kif ukoll parti mill-komun saret lok li fiha jintefa’ ammont ta’ skart.

F’din il-blokka ta’ appartamenti jgħixu 25 familja, bi Żwieten li tkellmu magħna qalulna li s-sitwazzjoni hija waħda prekarja, b’anzjani u persuni li għandhom xi diżabbiltà spiċċaw maqfula u ma joħorġux mid-dar minħabba l-istat li tinsab l-art tal-ewwel komun.

Oħrajn irrakuntaw magħna kif jiem ilu kien hemm bżonn li persuna jingħata għajnuna medika, u spiċċa dan ma setax jingħata kif suppost minħabba l-istat li jinsab il-bini.

Resident li joqgħod f’din il-blokka qalilna li sa ftit ilu kien hemm anki l-wires mikxufa, bil-kurrent għaddej minnu…

L-appelli tan-nies issoktaw anki fuq Facebook, biex l-awtoritajiet jieħdu azzjoni immedjata, biex tal-anqas il-komun ikun qed jagħti xhieda ta’ binja tal-Housing li hija abitabbli.

Fl-appelli tagħhom ir-residenti talbu biex il-Ministri jieħdu azzjoni, b’oħrajn jgħidu li jittamaw li issa għax għaddiet l-elezzjoni, ma jintesewx. Persuna oħra qal li fuq l-aħbarjiet sirna naraw biss naħa waħda tal-istorja, u t-tbatijiet tan-nies mhux jintwerew….