Futbol Sport

Rebħa faċli għal Gżira U. kontra Santa Lucia

(Ritratt: Catriel Farrugia)

Matthias Mizzi

GŻIRA UNITED………………3

SANTA LUCIA……..…1

Gżira United: D. Zarkov, G. Bohrer, N. Muscat, Z. Scerri (A. Borg 90+2’), M. Dias, C. Riascos, C. Gauci (S. Pisani 65’), R. Correa, M. Cosic, M. Maia, J. De Assis (B. Borg 90+2’)

Santa Lucia: M. Calleja Cremona, Y. Soares (F. Rodrigues 60’), S. Rier, N. Muscat, N. Pulis (E. Camilleri 36’) (B. Agius 60’), R. Bairam, A. Valpoort, A. Liam, D. Xuereb, J. Pisani, A. Moreno (R. Saito 53’), A. Alba

Imwissija: M. Alba 45+2’ (STL), A. Vaalport 62’ (STL), F. Rodriguez 67’ (STL)

Skorjaw: M. Maia 13’ (GŻR), J. De Assis 25’ (GŻR), M. Alba 31’ (STL), J. De Assis 38’ (GŻR)

Referee: Matthew De Gabriele

Assistenti Referees: Jurgen Spiteri & Vasil Vasilev

In-Nazzjon Plejer tal-logħba: J. De Assis (GŻR)

BOV Plejer tal-logħba: J. De Assis (GŻR)

Wara l-impenji tagħhom fil-UEFA Conference League, Gżira United bdew il-kampjonat Premier bl-aqwa mod possibbli meta fit-Tony Bezzina Stadium għelbu lil Santa Lucia.

Il-Maroons fetħu l-iskor kmieni fil-partita b’daqqa ta’ ras ta’ Maxuel Maia wara li d-difiża ma għarfitx tleħħi l-periklu minn corner ta’ Gabriel Bohrer. Żewġ minuti wara, Santa Lucia wieġbu tajjeb b’xutt ta’ Dexter Xuereb li ġie mdawwar f’corner minn Darijan Zarkov. Fil-21 minuta huma reġgħu kienu perikolużi b’xutt ieħor ta’ Xuereb li għadda jħakkek mal-lasta. Waqt li Santa Lucia kienu qed isibu saqajhom fil-partita, fil-25 minuta Jefferson De Assis approfitta minn żball difensiv u qabbeż il-ballun minn fuq Calleja Cremona għal ġox-xibka. Sitt minuti wara, it-tim immexxi mill-coach il-ġdid Pablo Sanchez naqqas il-marġni tal-iskor b’gowl tal-akkwist Miguel Alba. Madankollu dan ma sewa xejn għaliex fit-38 minuta huma reġgħu kienu kkastigati b’gowl ieħor tas-solitu De Assis wara ħarġa ħażina ta’ Calleja Cremona.

Fit-tieni taqsima r-ritmu tal-partita naqqas xi ftit biex fis-70 minuta Ayad Liam qassam tajjeb lil Jurgen Pisani, bil-konklużjoni tiegħu fil-baxx ġiet imdawra f’corner. Tliet minuti wara daqqa ta’ ras ta’ Nikolai Muscat ġiet salvata tajjeb minn Calleja Cremona wara cross preċiż ta’ De Assis. Wara din l-azzjoni, Santa Lucia ftit li xejn kienu perikolużi fuq l-attakk. Bit-tliet punti diġa’ f’idejhom, fl-aħħar mumenti Gżira kienu ferm viċin li jagħlmuhom erbgħa, meta Jurgen Pisani clearja gowl ċert minn fuq il-linja wara xutt fil-baxx ta’ Ricardo Correa.