Budget 2023 Ekonomija Lokali

Robert Abela jgħid li “l-inflazzjoni mhix estranja għal pajjiżna”

Abela insista li pajjiżna se jibqa' jkollu linja nazzjonali tal-ajru tiegħu - għalkemm ma ċaħadx li se jagħlaq l-AirMalta u jiftaħ kumpanija oħra minn flokha

Skont il-Prim Ministru, il-Gvern se jippreżenta d-Dokument ta’ Qabel il-Budget fil-ġimgħat li ġejjin. Dan qalu meta dalgħodu kien intervistat fuq ir-radju tal-Partit Laburista.

Wara jiem sħaħ assenti, Robert Abela instema’ fuq ir-radju tal-Partit tiegħu biex jitkellem dwar il-Budget li se jitressaq għas-sena d-dieħla. Għalkemm fl-ebda ħin ma qal x’tip ta’ għajnuniet ġodda qed jaħdem fuqhom il-Gvern sabiex iwieżen il-piż tal-għoli tal-ħajja.

“L-inflazzjoni mhix estranja għal pajjiżna”, stqarr Abela fl-intervista tiegħu.

Robert Abela qal li fiċ-ċirkustanzi preżenti, il-Budget jieħu dimensjoni akbar.

L-AirMalta

Robert Abela tkellem ukoll dwar l-AirMalta u stqarr li hemm ħafna xogħol xi jsir.

Hu insista li pajjiżna se jibqa’ jkollu linja nazzjonali tal-ajru tiegħu – għalkemm ma ċaħadx li se jagħlaq l-AirMalta u jiftaħ kumpanija oħra minn flokha. Tant li tkellem dwar dak li hu sejjaħ “bidliet”.

Il-Prim Ministru, f’ħin minnhom, attakka il-managment passat tal-linja nazzjonali tal-ajru.

Is-sigurtà fil-pajjiż

Il-Prim Ministru stqarr illi jrid jagħmel dak kollu li jista’ biex jipprevjeni każijiet bħal dak li seħħ fil-Ħamrun aktar kmieni din il-ġimgħa; il-ġlieda bejn grupp ta’ Sirjani li lanqas biss ġiet rappurtata mix-Xandir Nazzjonali.

“Ħadd mhu se jiġi permess jagħmel ġungla fit-toroq tagħna”, u skont il-Prim Ministru dan irid ikun messaġġ ċar. Fl-istess waqt, tefa’ piż fuq il-ġudikatura – l-Imħallfin u l-Maġistrati – biex jibgħatu messaġġ ċar.

Robert Abela insista li hemm bżonn aktar sinerġija bejn l-awtoritajiet.

Il-Prim Ministru qal ukoll li l-uffiċjali tal-Pulizija se jkollhom uniformijiet ġodda.