Internazzjonali

Żvezja: tnejn feruti wara sparatura f’kumpless kummerċjali

Il-Pulizija Żvediża qiegħda tirrapporta li minn tal-anqas żewġ persuni spiċċaw feruti wara li ġew sparati diversi tiri ta’ arma tan-nar f’kumpless kummerċjali fin-nofsinhar tal-belt Malmo fl-Iżvezja.

Is-suspettat ġie arrestat il-Ġimgħa filgħaxija b’rabta ma’ din l-isparatura, bil-Pulizija tgħid li dan huwa każ kriminali relatat mal-gangs li hemm fl-Iżvezja.

Fl-aħħar xhur komplew jiżdied in-numru ta’ gangs li qed iduru fit-toroq Żvediżi, b’analisti jgħidu li mhix xi ħaġa rari għal dawn il-gangs li saħansitra jispiċċaw jiġġieldu fuq it-territorju li mingħalihom jikkontrollaw.

Diversi rapporti qiegħdin jgħidu li issa s-suġġett tal-gangs fl-Iżvezja sar tema politika fil-pajjiż, bil-partiti politiċi jkollhom jofru soluzzjoni għal din il-problema, tliet ġimgħat biss ‘il bogħod mill-elezzjoni ġenerali.