Futbol Sport

Tliet punti għal Floriana kontra Pietà Hotspurs

Matthias Mizzi

FLORIANA……………………2

PIETÀ HOTSPURS……..…0

Floriana: G. Kitanov, A. Magri Overend (A. Garzia 73’), C. Rutjens, O. El Hasni, M. Veselji (C. Zammit Lonardelli 63’), K. Reid (E. Hershkovic 73’), J. Arias (A. Ciolacu 63’), N. Garcia, L. Trillo, E. Callegari, J. Busuttil (J. Scicluna 82’)

Pietà H.: D. Alampasu, S. Okoh, Y. Ito, J. Ghio (G. Xuereb 59’), T. Agius (S. Mizzi 76’), A. S. Wismayer, Z. Leonardi, A. Ogungbe, A. Camara, A. Ange, T. Yamaguchi (N. Scerri 14’)

Imwissija: T. Agius 23’ (PTH), J. Ghio 47’ (PTH), S. Alampasu 80’ (PTH), A. Garzia 83’ (FLR)

Skorjaw: M. Veselji 12’ (FLR), O.El Hasni (PEN) (FLR) 25’

Referee: Alex Johnson

Assistenti Referees: Mitchell Scerri & Mark Ciantar

In-Nazzjon Plejer tal-logħba: L. Trillo (FLR)

BOV Plejer tal-logħba: M. Veselji (FLR)

Żewġ gowls kmieni fil-partita kienu biżżejjed sabiex Floriana akkwistaw it-tliet punti li niżlu għalihom kontra n-neo-promossi Pietà Hotspurs. Min-naħa tagħhom Pietà ftit li xejn impressjonaw fl-ewwel ġurnata ta’ logħob fejn fl-ebda mument ma kienu perikolużi lejn il-lasti opposti.

Floriana skorjaw fl-ewwel azzjoni denja ta’ nota meta fit-12-il minuta Mattia Veselji rċieva pass preċiż fuq il-ġirja u wiċċ imb’ wicc ma’ Dele Alampasu ma żbaljax. Kmieni fil-partita Pietà kellhom jagħmlu wkoll sostituzzjoni sfortuzata wara li l-Ġappuniż Takuma Yamaguchi kkollassa u kellu jinħareġ b’ambulanza. Fid-19-il minuta, cross insidjuż ta’ Matias Garcia u daqqa’ ta’ rass ta’ Keimar Reid ħolqot periklu għad-difiża ta’ Pietà, madankollu Alampasu kien f’pożizzjoni tajba biex salva. Sitt minuti wara Floriana ġew mogħtija penalty meta Alan Wismayer deher iwaqqa’ lil Kemar Reid fil-kaxxa, b’Omar El Hasni mill-ħdax-il metru tefa’ l-ballun naħa u l-goalkeeper naħa oħra.

Intant fit-tieni taqsima, Floriana komplew jamminstraw il-logħba b’aktar pussess u operaw  bl-overlaps veloċi tal-akkwist Taljan Lorenzo Trillo minn fuq il-linja xellugija. Bil-pressjoni kollha fuq Pietà huma ftit li xejn impressjonaw fejn l-attakki tagħhom ma swew tal-ebda periklu għal-lasti ta’ Kitanov. Għaxar minuti mid-disgħin minuta Andrei Ciolacu kien sfortunat li ma għamilhomx tlieta meta d-daqqa ta’ ras tiegħu minn free-kick mogħti fuqu ta’ Busuttil għaddiet viċin il-mimduda. Wara din l-azzjoni ż-żewġ timijiet ma kienu qatt perikolużi fuq l-attakk sabiex iż-żewġ gowls tal-bidu kienu biżżejjed biex taw l-ewwel tliet punti importanti lill-Greens.