“Lejl ta’ splużjonijiet”
Hekk ġie deskritt il-lejl ta’ bejn il-Ġimgħa u s-Sibt hekk kif instemgħu diversi splużjonijiet ġejjin mill-bażijiet militari Russi li jinsabu fit-territorju okkupat mir-Russi fl-Ukrajna.
Rapporti kemm Ukreni, kif ukoll Russi, qiegħdin jgħidu li l-armata Ukrena qiegħda żżid l-ammont ta’ attakki fuq assi Russi, bl-armata Ukrena saħansitra tirrapporta li wieħed mill-attakki tagħha farrak il-forzi navali Russi li jinsabu fil-Baħar l-Iswed.
Ix-xandir tal-gvern Russu qed jirrapurta li l-forzi Ukreni issa qiegħdin jersqu ferm viċin il-fruntiera Russa, bi drone strikes jsiru xi ħaġa normali ferm mill-armata Ukrena, speċjalment fiż-żoni maħkuma mill-armata Russa.
Rapporti Russi qiegħdin jgħidu li kellhom jiġu evakwati żewġ villaġġi li jinsabu fil-provinċja ta’ Belgorod li tinsab 100 kilometru ‘il bogħod mill-fruntiera Ukrena.
Il-Gvern Ukren saħaq li ta’ kuljum l-armata Russa qiegħda turi li mhiex kapaċi tkompli l-ġlieda tagħha fl-Ukrajna, hekk kif issa l-artillerijja Russa ma’ tistax tkompli tistaħba mid-drones Ukreni, bl-istrateġija militari Russa issa tinsab kompletament mfarka.
Kelliema għad-difiża tal-Istati Uniti saħaqu li jinsabu ferm kuntenti li l-għajnuna provduta mill-Istati Uniti lill-Ukrajna issa qiegħda trendi l-frott. U l-Amerikani qed jippreparaw pakkett ieħor ta’ għajnuna miliatri lill-Ukrajna, b’valur totali ta’ 775 miljun dollaru.
Madankollu mhux kollox għaddej ward u żar għall-gvern Ukren, hekk kif qiegħda tkompli teskala il-logħoba politika minn Moska qrib l-impjant nuklejari Zaporizhia. B’diversi esperti jgħidu li jekk din il-logħoba politika tkompli teskala, dan jista jkun sajf b’effetti radjoattivi inkwetanti ferm.
Diversi sorsi internazzjonali qiegħdin jgħidu li bosta organizzazzjonijiet, kif ukoll mexxejja internazzjonali qiegħdin jitolbu lill-Putin biex jirtira l-armata tiegħu minn dan il–kumpless nuklejari. Madankollu l-mexxej Russu rrifjuta li jirtira lit-truppi tiegħu u jċedi l-impjant.
//= $special ?>