Il-grupp immexxi minn Wistin Vella offra s-somma rekord ta’ €46,000 sabiex jerfgħu l-vara ta’ Santa Marija waqt il-festa tal-patruna fil-lokalità tal-Imġarr, Malta.
Sal-lum ir-rekord kien ta’ €17,000 li kien intlaħaq fl-2019…fl-aħħar festa li saret qabel ma faqqgħet il-pandemija f’pajjiżna.
L-offerta saret il-Ħadd filgħodu fil-pjazza tal-Imġarr quddiem il-parruċċani li nġabru sabiex jaraw min il-Ħadd filgħaxija kien se jerfa’ l-vara tal-Assunta li tant għandhom devozzjoni kbira lejha.
Net News tkellem ma’ Wistin Vella li qalilna li dan huwa ta’ unur kbir għalih u għal sħabu.

Wara nuqqas ta’ sentejn mill-festa kawża tar-restrizzjonijiet li ġabet magħha l-pandemija tal-Covid-19…l-Imġarrin kienu ħerqana għaċ-ċelebrazzjoni ta’ din is-sena.
Louis Vella sostna li jittama li din it-tradizzjoni tibqa’ ghaddejja ghal mitt sena ohra ghal gid tal-parrocca.
Dan filwaqt li matul l-attività l-ghaqda nisa fl-Imġarr b’ħidma dedikata ngħaqdu flimkien sabiex ġabru d-donazzjoni ta’ aktar minn €4,000.

Matul is-sena li għaddiet, minkejja li din l-offerta tar-reffiegħa ma saritx, xorta waħda kienu ġew mgħotija donazzjoni ta’ €10,000 lill-Parroċċa tant għal qalbhom.
Din it-tradizzjoni tal-offerta tmur lura għal Awwissu tal-1923, tradizzjoni li bħal ma seħħ proprju l-Ħadd titlob li mat-tokki ta’ nofsinhar, quddiem ġemgħa nies…il-flus tal-ogħla offerta jmorru f’għajnuna għal dawk fil-bżonn u l-ħidma pastorali.
Din is-sena hija waħda ferm speċjali għall-Imġarrin hekk kif il-Parroċċa qed tfakkar l-ewwel ċentinarju mill-wasla tal-Vara Titulari ta’ Marija Assunta. Għall Festa ta’ din is-sena…apparti l-għadd ta’ attivitajiet speċjali fil-programm tal-Festa, iżżanżan ukoll mant ġdid biex taħtu titqiegħed il-vara.
