Internazzjonali

Italja: Dejjem aktar suġġetta għax-xejriet tat-temp estremi

It-temp estrem li qed jolqot lill-Ewropa bħalissa qed jaffettwa lill-Italja b’mod partikulari, bl-osservaturi jaqblu li s-sitwazzjonijiet dovuti għall-bidliet fil-klima huma l-aktar konsistenti fl-istorja moderna tal-pajjiż.

Dan meta s-sitwazzjonijiet estremi relatati mal-kriżi fil-klima qabżu l-130 każ fl-aħħar sitt xhur u li jfissru anki  l-ogħla medja ta’ inċidenti kkaġunati mit-temp fil-pajjiż fl-aħħar għaxar snin.

Kelliema għall-grupp ambjentali Legambiente illum sostnew li l-Italja ‘spiċċat dejjem aktar suġġetta għal xejriet tat-temp estremi minħabba l-bidliet fil-klima kkaġunati mill-bniedem — u b’mod partikulari l-emissjonijiet mill-kumplessi industrijali li komplew għal snin mingħajr limiti.

L-istess grupp Legambiente tenna, fl;-aħħar rapporti dwar il-klima, li bejn is-sena 2010 u Lulju li għadda seħħew 1,318 inċidenti li kienu dovuti għax-xejriet straordinarji fit-temp.

Dan waqt li l-impatt sinifikanti minn dan il-fenomenu nħass f’xejn anqas minn 710 muniċipalitajiet fl-Italja.

F’dawn is-snin kollha, fl-Italja, seħħew viċin il-520 inċidenzi ta’ għargħar dovuti għax-xita intensiva – bi kważi 370 każ ta’ ħsarat sostanzjali fil-proprjetá jseħħu b’kaġun tat-tornadoes.

Ma naqsux, f’dawn iż-żmenijiet, il-ħsarat tax-xita għall-infrastruttura filwaqt li kien hemm 123 inċident fejn l-ilma tax-xmajjar (fl-Italja) faqgħet l-art, fost il-ħsarat sussegwenti għar-raba’ u zoni oħra ta’ art saqwija.

Ir-reġistru tax-xejriet fit-temp fl-Italja bejn l-2010 u Lulju li għadda jindika anki għexieren ta’ perjodi ta’ nixfa; talanqas 60 każ fejn seħħew il-valangi tal-art ( wara xita qawwija) u diversi sitwazzjonijiet fejn il-patrimonju storiku fil-pajjiż ġarrab il-ħsarat sostanzjali minħabba l-elementi.

Minbarra dawn l-effetti estremi tat-temp, kien hemm ukoll diversi mewġiet tas-sħana ‘sorprendenti’ fl-ibliet tal-Italja.

Skont il-Legambiente, il-ħtieġa – ‘anzi priorità’ — li dawn ix-xejriet tat-temp ikunu ndirizzati bil-mezzi kollha disponibbli mhix tingħata l-importanza xierqa fil-kampanja attwali tal-partiti politiċi li se jikkuntestaw l-elezzjoni ġeneraliftal-25 ta’ Settembru fl-Italja.

Dan waqt li l-esperti qalu li ċerti politiċi u awtoritajiet għadhom mhumiex jirrispettaw il-periklu mix-xejriet estremi fit-temp u li fl-2022 waslu għal livell ta’ ‘code red’ – li jfisser fażi perikoluża għall-aħħar.

U waqt li l-Italja, dan is-sajf, sofriet mewġa ta’ maltempati qattiela, il-Legambiente qed tisħaq biex il-partiti u l-politiċi li qegħdin jaspiraw biex imexxu lill-Italja għall-ħames snin li ġejin jispjegaw is-soluzzjonijiet li jridu jimplimentaw fil-konfront tal-kriżi fil-klima.

It-twissija kompliet li x-xejriet estremi fit-temp huma fost l-emerġenzi prinċipali u attwali li, fost oħrajn, qegħdin jheddu ‘biex iġibu lid-dinja għar-rkubbtejha’.