Lokali Qorti

Jinżamm arrestat l-anzjan ta’ 73 sena akkużat bl-attentat ta’ qtil ta’ Noel Ciantar

SEGWI LIVE

Joseph Micallef ta’ 73 qed jihder quddiem il-Maġistrat Lara Lanfranco akkużat li nhar il-Ġimgħa spara fuq Noel Ciantar f’Wied Ħażrun.

Dakinhar Ciantar qala’ tir f’dahru u għal aktar minn 24 siegħa kien qed jiġġieled għal ħajtu.

Aktar kmieni llum hu inħareġ mit-Taqsima tal-Kura Intensiva.

L-arrest tal-akkużat seħħ is-Sibt filgħaxija, wara li hu ħarab mill-post, bil-Pulizija jibdew tfitxxija għall-aggressur li eventwalment wasslet għall-arrest tar-raġel.

Ir-reat seħħ f’Wied Ħażrun nhar il-Ġimgħa
iLIVE

LIVE

16:52

16:50 Wara li semgħet liż-żewġ partijiet, il-Maġistrat Lara Lanfranco ċaħdet it-talba għall-ħelsien mill-arrest u qalet li t-talba għandha terġa ssir quddiem il-Maġistrat li eventwalment se jkun qed jisma’ l-każ.

16:50 Id-difiża tistaqsi x’periklu hemm li għandha twassal biex Micallef jinżamm il-ħabs.

16:49 L-avukat Tonna Loweel qed jgħid li la hemm filmati, ma jistax ikun hemm tbagħbis tal-provi.

16:48 Id-difiża tgħid li l-Qorti trid tkun konvinta li hemm periklu jekk l-akkużat jingħata l-ħelsien mill-arrest.

16:45 L-argument tal-prosekuzzjoni hu li l-każ għadu mhux konkluż għax il-vittma għadu jrid jagħti aktar xhieda u għaldaqstant kompliet tinsisti li tkun miċħuda l-libertà proviżorja.

16:42 L-avukat Hugh Peralta qed jinsisti li l-akkużat ma għandu l-ebda intenzjoni li jkellem lill-vittma u għaldaqstant il-provi mhemmx ċans li se jiġu mbagħbsa kif qed targumenta l-prosekuzzjoni. Filwaqt li appella wkoll dwar l-aspett uman li tiċħad il-libertà lil raġel ta’ 73 sena.

16:40 L-avukati tal-imputat qed jgħidu li hemm tliet mili bogħod bejn ir-residenzi taż-żewġt irġiel u li huma biss l-għelieqi li huma qrib. U għaldaqstant il-Qorti tista’ tpoġġi kundizzjonijiet u tagħti xorta l-ħelsien mill-arrest.

16:39 Skont id-difiża, ma kienx hemm xhieda pajżana f’dan il-każ.

16:37 Id-difiża qed targumenta li l-istadju bikri u l-gravità tar-reat mhumiex minnhom infushom raġunijiet biex tkun miċħuda l-libertà proviżorja.

Minbarra dan, l-avukati ta’ Micallef qed jgħidu li skont l-istess vittma, Micallef hu biss wieħed minn numru ta’ persuni li kellu suspett li seta’ sparalu.

16:35 L-istess prosekuzzjoni qed toġġezzjona għall-ħelsine mill-arrest minħabba n-natura tar-reat u minħabba li l-akkużat kif ukoll il-vittma jgħixu qrib xulxin, kif ukoll l-istadju bikri tal-proċess.

16:34 Micallef qal lill-Pulizija li ma kienx felaħ aktar u kien spara fuq Noel Ciantar.

16:33 Il-prosekuzzjoni qalet li nstab senter li setgħet kienet l-arma li sparat fuq Ciantar. F’dan il-punt Micallef ġie mistoqsi x’kien ġara u Micallef ammetta li kien hu li kien spara fuq Ciantar.

16:31 Il-prosekuzzjoni qalet li minn filamti tas-CCTV jidhru filmati ta’ Micallef ħiereġ bis-senter u jerġa’ lura. Jidher ukoll li Cianta indika lil Micallef bħala wieħed mill-persuna li possibilment attakkah peress li kellhom kwestjonijiet bejniethom fil-passat.

Micallef hu bidwi.

16:30 L-edba kontestazzjoni dwar il-validita tal-arrest minn tad-difiża.

16:28 L-akkużat Joseph Micallef jinsab f’Awla 14. Micallef. li hu mwieled ir-Rabat, wieġeb mhux ħati tal-akkużi miġjuba kontrih.

Hu jinsab akkumpanjat mill-avukati tiegħu Hugh Peralta u Stephen Tonna Lowell.

L-Ispetturi Roderick Attard u Kurt Zahra qed jidhru għall-Prosekuzzjoni, u l-avukati Nathaniel Falzon u Kaylie Bonnett mill-Uffiċju tal-Avukat Ġenerali qed jassistu.