Futbol Sport

Leeds United iġibu fix-xejn lil Chelsea……Brighton ikomplu jimpressjonaw b’rebħa fuq West Ham

(Ritratt: EPA)

F’Eland Road Leeds United ħasdu lil Chelsea meta meritatament għelbuhom bl-iskor ta’ 3-0. B’din ir-rebħa t-tim immexxi minn Jesse Marsch tela’ jokkupa r-raba’ post b’7 punti filwaqt li Chelsea minn tliet logħbiet għandhom biss 4 punit u jinsabu fit-12-il post.

Leeds United fetħu l-iskor fit-33 minuta permezz ta’ Brenden Aaronson li rnexiielu jieħu l-ballun minn saqajn il-goalkeeper Edouard Mendy u b’lasta vojta tefa’ fix-xibka. Erba’ minuti wara Leeds jagħmluhom tnejn meta minn free-kick ta’ Harrison kien Rodrigo li b’daqqa ta’ ras preċiża ma’ ta l-ebda ċans lil Mendy li din id-darba ma’ seta’ jagħmel xejn. Chelsea fit-tieni taqsima provaw iwettqu reazzjoni iżda kien kollu għalxejn u siċċati;hom kull tama meta fid-69 minuta Rodrigo irreċiproka l-assist lil Jack Harrison li mill-viċin issiġilla r-rebħa lil Peackocs. L-affarijiet komplew jikkomplikaw ruħhom għal Chelsea meta fit-84 minuta id-difensur Kalidou Koulibaly intwera’ t-tieni karta safra u Chelsea kellhom jilgħabu l-aħħar minuti tal-partita b’10 minn nies.

Brighton ukoll komplew jikkonfermaw il-bidu tajjeb dan l-istaġun meta fil-London Stadium għelbu lil West Ham bl-iskor ta’ 2-0. Brighton bħal Leeds minn tliet partiti għandho 7 punti u jinsabu fil-ħames post. Minn naħa l-oħra West Ham għadhom qed ifittxu l-ewwel punti u l-ewwel goal dan l-istaġun u jinsabu ankrati fl-aħħar post tal-klassifika.

Wara bidu tajjeb minn West Ham u kontra x-xejra tal-logħob Danny Welbeck ingħata ballun fit-tul ‘il quddiem u wara li avvanza fil-kaxxa kien imwaqqa’ mid-difensur li kien qed jagħmel id-debutt tiegħu mal-Hammers Thilo Kehrer u r-referee Anthony Taylor saffar il-penalty. Mill-11-il metru kien Alexis Mac Allister li għeleb lil Fabianski għal 1-0, skor li bih intemmet l-ewwel taqsima.

Brighton baqgħu kalmi u organizzati fit-tieni taqsima u bil-mod bdew iżidu fil-logħob tiagħhom sakemm fis-66 minuta skorjaw it-tieni goal. Kien Leandro Trossard li ħa l-ballun minn tarf il-kaxxa u wara li avvanza minn quddiem Fabianski ma’ żbaljax għal skor finali ta’ West Ham 0-2 Brighton.