Il-kriżi tas-sħana fil-Portugall qed issir dejjem aktar iddisprata skont l-awtoritajiet meteoroloġiċi li qegħdin iwissu lin-nies biex jieħdu kull prekawzjoni possibbli fiċ-ċirkustanzi.
Fil-fatt kull ċittadin b’telefon ċellulari qed jirċievi t-text messages bi twissija dwar il-periklu qawwi ta’ nirien ġodda qalb foresta, Dan ukoll meta l-pajjiż qed iħejji għat-tielet mewġa ta’ sħana qalila mill-bidu tas-sajf.
Fil-Portugall, bħalissa, hemm stat ta’ allert dovut għat-temperaturi li mistennija jaqbżu t-38 gradi Celsius fil-jiem li ġejjin. Mistennija wkoll sensiela ta’ irwiefen sħana li kapaċi jaggravaw kull sitwazzjoni ta’ nirien qalb territorju aħrax.
L-awtoritajiet sadanittant qed iwissu biex in-nies qalb iz-zoni rurali ma jqabbdu l-ebda nirien fuq barra ‘irrispettivament miċ-ċirkustanzi’.
Dan waqt li l-Gvern Portugiż qed jillimita l-aċċessi lejn foresti għall-pubbliku – minbarra li ħareġ direttiva biex ma jintużax il-makkinarju f’ċerti zoni sensittivi minħabba l-possibbiltà li dawn jitilqu xfar tan-nar b’konsegwenzi diżastrużi.
L-istat tal-allert fil-Portugall għandu jkompli sa għada t-Tlieta. Dan meta din is-sena, fil-pajjiż, inħarqu ‘il fuq minn 92,000 ettari tal-art, bil-heatwaves u n-nixfa jipproduċu kundizzjonijet ideali għal nirien għall-għarrieda.
//= $special ?>

