L-assenza twila tal-Prim Ministru fi żmien meta pajjiżna qed jiffaċċja diversi sitwazzjonijiet ta’ tħassib issa qed tinkwieta anke lill-istess Ministri tal-Gvern.
U f’Kastilja qed jirriffjutaw li jagħtu dettalji dwar kemm il-darba Abela telaq fuq vaganzi barra minn pajjiżna fl-aħħar ġimgħat.
Għal raġunijiet mhux ċari, tul is-sentejn li ilu Prim Ministru, Abela kemm-il darba ħalla lil pajjiżna mingħajr ma għadda t-tmexxija tal-pajjiż f’idejn Chris Fearne, li jġorr it-titlu ta’ Deputat Prim Ministru.
Kull darba li Abela jagħmel hekk, l-amministrazzjoni tal-pajjiż tkun prattikament wieqfa hekk kif ma jkunx hemm il-poter eżekuttiv f’każ li jkun hemm il-ħtieġa ta’ deċiżjoni drastika anke b’rabta mas-siguirtà tal-pajjiż.
Membru tal-Gvern stqarr mat-Times of Malta li aktar minn hekk, hu inkwetanti l-fatt li l-vaganzi tas-sajf ta’ Abela jidhru li mhuma jispiċċaw qatt…. u li tul is-sena ta’ spiss jogħsfor mingħajr ma jinforma lil ħadd.
U dan, qed ikompli joħloq inkwiet mhux żgħir anke fil-Grupp Parlamentari Laburista. B’Deputati u Ministri, saħansitra, qed jagħżlu li jiddikjaraw dan kollu mal-media indipendenti.
Biex juri li għadu prezenti, il-Prim Ministru kellu jagħmel intervent fuq ir-radju tal-Partit Laburista, wara sajf sħiħ ta’ skiet. Intervent li għamlu propju waqt li kien f’Ibiza.
Fl-intervent ta’ ftit minuti, hu prova jtaffi l-inkwiet ta’ ħafna dwar is-sitwazzjoni li qed tiżviluppa f’zoni bħall-Ħamrun u l-Marsa, wara li aktar kmieni din il-ġimgħa, l-Pulizija kellhom iwaqqfu ġlieda ta’ bejn 20 jew 30 Sirjan. B’Abela jgħid li inċidenti bħal dawn huma diżgustanti u inaċċettabbli.
Madankollu, l-kumment tal-Prim Ministru, minflok ma serraħ ras in-nies, aktar qajjem rabja fost il-pubbliku, kif deher ċar anke mill-bosta kummenti fuq il-media soċjali, fejn ħafna qalu li Abela raqad fuq il-problemi ta’ pajjiżna.
Il-Prim Ministru ilu l-ġimgħat assenti.
Kien, u għadu, assenti tul il-ġranet ta’ inċertezza għall-ħaddiema tal-AirMalta u hu assenti meta l-imsieħba soċjali kollha qed jippruvaw joħorġu b’soluzzjonijiet għall-isfidi kbar li qed iġġib magħha l-inflazzjoni. U mistoqsi dwar dawn l-isfidi Abela ma qal xejn ġdid għajr li semma’ dak li issa ilna nisimgħu minn qabel l-elezzjoni.
//= $special ?>