It-tifla ta’ alleat kbir tal-President Russu Vladimir Putin spiċċat maqtula fi splużjoni ta’ karozza bomba li seħħet fi triq lejn il-limiti ta’ Moska.
Intant, mhux eskluż li l-vittma – Darya Dugina – ma kenitx il-proprja mira tal-isplużjoni, meta missierha, Alexander Dugin, ,magħruf ukoll bħala ‘il-filosfu ta’ Putin’ għandu influwenza kbira fuq il-Mexxej Russu.
Darya Dugina tilfet ħajjitha waqt li kienet qed issuq lura waħedha lejn id-dar tagħha. Qabel l-isplużjoni, hi u missierha kienu attendew festival viċin ta’ Moska u fejn il-filosfu kien mexxa taħdita bħala parti mill-programm.
Jidher ukoll li Alexander Dugin salva b’ħajtu għaliex hu, fl-aħħar minuta, iddeċieda li ma jivvjaġġax fil-karozza ta’ bintu – bl-isplużjoni sussegwenti sseħħ ftit wara qrib il-villaġġ ta’ Bolshiye Vyazemy. L-investigaturi qalu, wara, li l-qattiel jew qattiela kienu qiegħdu bomba mal-qigħ tal-karozza ta’ Darya Dugina u li l-vettura ‘imbelgħet mill-fjammi’ dritt wara l-isplużjoni.
Alexander Dugin kiseb fama bħala ideologu prominenti b’ideat estremisti u meta hu fost ‘l-aktar persuni fdati minn Vladimir Putin’.
L-isplużjoni, issa, qed ikun investigata mill-esperti forensiċi u tal-isplussivi waqt li uffiċjali fl-Ukrajna qegħdin jiċħdu għal kull sehem ta’ pajjiżhom fl-attakk.
Sadanittant. Il-kelliema għall-Ministeru Russu għall-Affarijiet Barranin qalu li jekk jinstab tassew li kien hemm ‘konnessjoni Ukrena’ mal-isplużjoni, ir-Russja għandha titratta l-każ bħala wieħed ibbażat ‘fuq it-terroriżmu sponsorjat minn Stat (f’dan il-każ l-Ukrajna)’.
//= $special ?>

