Il-qawwiet tas-sigurtà Somali rnexxielhom isalvaw ‘il fuq minn 110 persuni li kienu ilhom sigħat magħluqin f’sezzjonijiet ta’ lukanda waqt li l-kumpless spiċċa suġġett għal assedju mill-militanti Iżlamiċi tal-grupp Al-Shabab…Moviment ta’ ġellieda fanatiċi li hu responsabbli mill-agħar massakri li seħħew fl-aħħar snin fis-Somalja u ‘il hinn minnha.
L-attakk kien l-ewwel tal-Al-Shabab fil-kapitali Mogadishu mindu Hassan Sheikh Mohamud kien elett bħala President ġdid tas-Somalja f’Mejju li għadda.
L-assedju kien ilu għaddej mil-lejl tal-Ġimgħa u l-uffiċjali issa kkonfermaw li mietu talanqas 30, b’aktar minn 120 jisfaw midruba waqt 30 siegħa ta’ terrur kontinwu.
Intant, il-qawwiet tas-sigurtà Somali qed jikkontrollaw il-lukanda bl-isem Hayal u l-madwar wara battalja qalila u fit-tul mal-fanatiċi tal-Al-Shabab.
Mifhum li l-aggressuri użaw żewġ karozzi-bomba biex jidħlu fil-lukanda u meta huma, imbagħad, ħadu l-kumpless f’idejhom waqt ‘sensiela ta’ azzjonijiet vjolenti u brutali’.
Ingħad li wara l-isplużjonijiet inizjali, grupp ta’ militanti daħlu fil-lukanda bil-forza fejn bdew jisparaw għan-nies fuq ġewwa. Il-lukanda Hayal hi magħrufa bħala lokalità popolari mal-ħaddiema u l-uffiċjali tal-Gvern federali li jiltaqgħu hemmhekk fil-ħin liberu tagħhom.
Sadanittant, kien proprju fl-aħħar sigħat li l-militanti tal-Al-Shabab ħadu responsabbiltà għall-attakk, bil-kapijiet tal-pulizija Somala jikkonfermaw li hemm numru sinifikanti ta’ nisa u tfal fost in-nies salvati mil-lukanda.
Il-lukanda, fil-parti kbira, spiċċat meqruda b’konsegwenza tal-ġlied intensiv bejn il-militanti u l-qawwiet tas-sigurtà li bdew jaslu fuq il-post – bl-agħar battalji jseħħu matul il-lejl tal-Ġimgħa u fil-jum tas-Sibt.
L-Uffiċjali Somali, intant, qalu li l-aggressuri li wettqu l-attakk inqatlu kollha mill-qawwiet tas-sigurtà u li n-nies li kienu salvati mil-lukanda qegħdin ibattu l-effetti tat-trawma dovuta għall-esperjenza terribbli.
Fl-aħħar sigħat ukoll, f’Mogadishu, kien għaddej proċess għall-identifikazzjoni tal-vittmi – u waqt li l-qraba tan-nies li kienu fil-lukanda waqt l-attakk kienu jistennew bil-ħerqa għall-aħbar dwar l-għeżież tagħhom.
Il-moviment Al-Shabab hu fergħa tal-grupp terroristiku Al-Qaeda u ilu s-snin għaddej bi gwerra kontinwa mal-Gvern federali tas-Somalja.
Dawn il-militanti jikkontrollaw ħafna artijiet fiċ-ċentru u lejn in-nofsinar tas-Somalja u issa rnexxielhom jestendu l-influwenza tagħhom anki fiz-zoni kkontrollati mill-Gvern f’Mogadishu.
Fl-aħħar ġimgħat, il-ġellieda tal-Al-Shabab attakkaw anki numru ta’ miri mal-fruntiera tas-Somalja mal-Etjopja u fost l-inkwiet li l-kapijiet militanti jistgħu qegħdin ifasslu ‘strateġija tal-gwerra’ ġdida għall-jiem u ġimgħat li ġejjin.
//= $special ?>

