Żewġt irġiel inżammu taħt arrest preventiv is-Sibt wara nofsinhar wara li wieġbu mhux ħatja li serqu ‘il fuq minn €10,000 fi flus kontanti u dehbijiet minn residenza ta’ koppja ħmistax ilu. Jonathan Degiorgio, ta’ 37 sena residenti Santa Venera li kien fuq pleġġ fuq akkużi kriminali separati, tressaq il-Qorti flimkien ma’ Christopher Mifsud ta’ 34 sena residenti Birkirkara.
Allegatament seħħ fis-7 ta’ Awwissu għall-ħabta tal-5:30pm meta daħlu fid-dar tal-koppja f’Santa Venera. L-investigazzjonijiet wasslu għall-arrest taż-żewġ ħallelin suspettati li wieġbu mhux ħatja ta’ serq aggravat u ħsara volontarja fil-bieb ta’ barra tad-dar.
Degiorgio ġie akkużat separatament li kiser tliet kundizzjonijiet ta’ libertà proviżorja u rriskja li jitlef total ta’ kważi €20,000 fi flus tal-pleġġ. It-tnejn ġew akkużati ukoll li saru riċedivi. Talba għal libertà proviżorja kienet oġġezzjonata bil-qawwa kollha għal diversi raġunijiet.
Mifsud dan l-aħħar kien ħareġ mill-ħabs, filwaqt li Degiorgio kien jaf l-allegat vittma tiegħu u saħansitra pprova jissellef flus mingħandu qabel l-allegat inċident, sostniet il-prosekuzzjoni. Wara li semgħet is-sottomissjonijiet taż-żewġ partijiet il-qorti, ippreseduta mill-Maġistrat Noel Bartolo, ċaħdet it-talba fid-dawl tal-istadju prematur tal-proċeduri u l-biża’ ta’ tbagħbis tal-provi. L-Ispettur Joseph Mercieca mexxa l-prosekuzzjoni. L-Avukat Franco Debono kien avukat ta’ Degiorgio filwqt li l-Avukat Daniel Attard deher għal Mifsud.
//= $special ?>