Lokali

Żieda qawwija ta’ permessi għal djar ġodda f’Għawdex

Fil-Punent ta’ Malta l-permessi jiżdiedu b’103%

L-ammont ta’ permessi ġodda ta’ residenzi f’Għawdex li ġew approvati matul l-ewwel sitt xhur ta’ din is-sena…jiżbqu l-ammont tal-aħħar 9 xhur tal-2021.

Ċifri maħruġa mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika wrew li fl-ewwel sitt xhur tal-2022 ġew approvati 1,038 permess ta’ residenza ġdida f’Għawdex….meta fl-aħħar 9 xhur tas-sena preċedenti ġew approvati 982.

Matul it-tieni kwart ta’ din is-sena biss ġew approvati fil-gżira Għawdxija 479 permess…żieda ta’ ftit inqas minn 75% meta ċ-ċifri jiġu mqabbla mal-istess perjodu tas-sena preċedenti – bl-akbar rata ta’ permessi f’Għawdex jiġu rreġistrati f’Ta’ Sannat b’111, ir-Rabat, 63 u x-Xagħra 62.

Bejn April u Ġunju ta’ din is-sena ġew approvati madwar 438 permess ta’ bini u 2,164 permess ta’ djar ġodda – żieda ta’ aktar minn 16% meta ċ-ċifri jiġu kumparati mas-sena preċedenti.

L-ogħla ammont ta’ permessi ta’ djar ġodda fil-Gżejjer Maltin ġie rreġistrat fis-Siġġiewi b’227…segwit mill-Mosta b’122. Dan filwaqt li ż-żieda ta’ permessi fin-naħa tal-Punent tal-pajjiż…kienet dik ta’ aktar minn 103%.

Intant il-maġġoranza ta’ permessi ta’ djar ġodda matul it-tieni kwart tal-2022 kienu appartamenti…b’aktar minn 1,500 appartament ġdid…segwiti minn 336 penthouse.

B’kollox matul l-ewwel sitt xhur biss ġew approvati 3,811-il appartament ġdid ….mill-5,367 dar approvata matul l-ewwel nofs ta’ din is-sena.