Żagħżugħ Ingliż ta’ 17-il sena qed jissielet għal ħajtu wara li għall-ħabta tat-tmienja u kwart ta’ filgħaxija, waqa’ għoli ta’ madwar sitt sulari minn fuq l-irdum tal-bajja tar-Riviera, f’Għajn Tuffieħa.
Immedjatament fuq il-post marru l-Pulizija kif ukoll membri tal-Protezzjoni Ċivili sabiex ikunu jistgħu jtellgħu liż-żagħżugħ hekk kif il-post fejn waqa’ kien diffiċli biex jintlaħaq.
Filfatt huwa ttella’ b’ħelikopter tal-Forzi Armati u tniżżel f’parkeġġ. Ambulanza ħaditu l-Isptar Mater Dei fejn ġie ċċertifikat li jinsab f’qagħda kritika u fil-periklu tal-mewt
Jidher li ż-żagħżugħ kien jinsab hemm flimkien ma’ sħabu. S’issa għadu mhux magħruf x’wassal biex huwa jaqa’ minn dak l-għoli.
Nies li kienu fil-post marru mal-ewwel biex jagħtu l-għajnuna.
Dwar dan l-inċident infetħet inkjesta maġisterjali mill-Maġistrat tal-Għassa Doreen Clarke filwaqt li l-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.
Persuni li kienu fil-post fil-ħin tal-inċident spjegaw ma’ Net News li waqt li żewġ żgħażagħ kienu jinsabu fuq kmajra f’xifer l-irdum igawdu nżul ix-xemx…seħħ il-mument traġiku – bl-Ingliż ta’ 17-il sena għal xi raġuni spiċċa waqa’ mill-għoli.
Ftit qabel ma’ seħħet it-traġedja din il-persuna rnexxielha taqbad, b’kumbinazzjoni, fejn kienu qiegħdin dawn iż-żgħażagħ.
Xhieda fil-post iddeskrivew il-kommossjoni inevitabbli li segwiet l-inċident bil-wasla tal-Forzi Armati ta’ Malta u l-ħidma sfieqa tal-membri mid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili.
Huma saħqu li ż-żagħżugħ li kien qiegħed jakkumpanja lill-ġuvni ta’ 17-il sena ried saħansitra jinżel għalih hu sabiex jagħtih l-ewwel għajnuna, u kien miżmum minn persuni li f’dak il-waqt kienu jinsabu fil-post għal passiġġata.
//= $special ?>