L-attakkant Brażiljan ta’ Gżira United, Jefferson u l-winger Kolombjan ta’ 22 sena, Ángel Torres ta’ Balzan, kienu fost il-protagonisti fl-ewwel ġurnata tal-Kampjonat Premier. Bejnithom dawn iż-żewġ plejers skorjaw ħames gowls, b’Ángel Torres kellu l-aqwa debutt f’Malta, meta skorja hat-trick fir-rebħa li Balzan kellhom bl-iskor ta’ 3-1 kontra t-tim neo-promoss mill-National Challenge League, Żebbuġ Rangers.
Wara l-ewwel logħba tal-Kampjonat, faċilment nistgħu inqablu dawn iż-żewġ plejers, anke għaliex it-tnejn jilgħabu fl-istess posiżżjoni, dik ta’ winger fuq il-lemin. Jefferson lagħab il-partita kollha kontra Santa Lucia u kellu ħames xuttijiet lejn il-lasta, b’tlieta minnhom kienu fil-lasta. Minn Tnejn minn dawn it-tliet xuttijiet, spiċċaw fix-xibka avversarja. Ángel Torres lagħab 80 minuta, u simili għal Jefferson, hu kellu ħames konklużżjonijiet lejn il-lasta avversarja, b’tlieta minn dawn kienu fil-lasta u ssarfu f’gowls ukoll.
Iżda skont l-istatistika miġbura, Ángel Torres ta’ Balzan kellu rwol aktar attiv minn dak tal-eks plejer ta’ Sliema Wanderers, Jefferson. Bħala numru, Ángel Torres kellu bil-wisq aktar konfrontazzjonijiet diretti ma’ plejer jew plejers avversarji fl-attakk, u li 80% kienu mirbuħa. Fl-ewwel dehra tiegħu f’pajjiżna, wieħed setgħa japprezza l-abiltajiet tekniċi u individwali ta’ Ángel Torres. Fil-partita ta’ nhar il-Ġimgħa li għadda kontra Żebbuġ, stajna ngħoddu xejn inqas minn 15-il dribble, f’ħinijiet differenti tal-logħba, u li minnhom tilef biss il-pusses tal-ballun darba waħda.
L-eks plejer ta’ Porto faċilment jista’ jitqis bħala waħda mill-akbar sorpriżi pożittivi, bħala wiċċ ġdid fil-Kampjonat Premier, dan l-istaġun. Dan mhux qed ngħidu għaliex Ángel Torres skorja tlieta f’logħba, iżda għaliex dak li l-plejer kien kapaċi jagħmel fid-debutt tiegħu ma’ Balzan, juru biċ-ċar li dan il-winger Kolombjan għandu jkun akkwist interessanti u ta’ livell għoli għall-iskwadra mmexxija mill-kowċ Oliver Spiteri.
Ángel Torres kien kapaċi joħloq iċ-ċansijiet ta’ skor u bl-istil ta’ logħba tiegħu, jikkombina tajjeb ħafna ma’ sħabu l-ġodda fl-iskwadra, fosthom mad-difensur Serb, Ivan Božović. Dan tal-aħħar hu akkwist ġdid għal Balzan, wara li reġa’ irritorna jilgħab f’pajjiżna, hekk kif l-istaġun li għadda hu kien qed jilgħab fl-ogħla diviżjoni fl-Armenja ma’ Lori.
Ángel Torres ħalla impressjoni tajba bil-movimenti li kapaċi jagħmel bil-ballun, b’rata tajba ħafna ta’ passaġġi b’suċċess, kif ukoll passaġġi li serva lil sħabu fit-tim, fil-kaxxa avversarja f’azzjoni ta’ attakk.
Iżda apparti Ángel Torres, min kienu dawk il-blejers barranin, li huma ġodda għall-futbol Malti, u li fl-ewwel ġurnata tal-Kampjonat Premier diġa’ ħallew impressjoni tajba fid-debutt tagħhom?
L-ismijiet jistgħu jkunu bosta, u fl-aħħar mill-aħħar kwalunkwé għażla taf tkun suġġettiva, iżda personalment inħoss li dawn il-plejers li se nsemmi, tassew kellhom bidu tajjeb fl-ewwel logħba tagħhom fil-Kampjonat Premier:
Gonzalo Llerena Bravo | Difensur Ċentrali ta’ 32 sena ta’ Hibernians
Llerena skorja gowl sabiħ, u li permezz tiegħu ġab id-dro fil-partita kontra Valletta. Dak li jagħmel lil dan id-difensur Spanjol bħala akkwist interessanti, u partikolari hu li għandu abiltajiet bħal ftit, li kapaċi jattakka u jkun dirett lejn il-lasta avversarja, bl-istess mod li kapaċi jiddefendi u joffri sigurtá fiċ-ċentru tad-difiża taċ-champions Hibernians.
Lorenzo Trillò | Difensur fuq ix-xellug ta’ 25 sena ta’ Floriana
Fiż-żewġ partiti li Floriana lagħbu fl-Ewropa dan l-istaġun, forsi ma stajnix naprezzaw biżżejjed it-talent u l-attribwiti ta’ wieħed mill-akkwisti l-ġodda li għamlu l-greens dan l-istaġun, dak tad-difensur Lorenzo Trillò. Dan it-Taljan inġieb sabiex jieħu post l-internazzjonali Malti, Ryan Camenzuli li ssieħeb ma’ Ħamrun Spartans u għalkemm għadu kmieni biex wieħed jagħti ġudizzju kif suppost, l-ewwel indikazzjonijiet qed juru li Trillò għandu jkun plejer validu ħafna fl-iskwadra tal-kowċ Gianluca Atzori.
Kontra Pietá Hotspurs, Trillò kien kapaċi joħloq l-azzjonijiet minn fuq il-faxxa tax-xellug u bl-istil ta’ logħba tiegħu, mhux biss ħoloq problema għat-tim avversarju iżda rebaħ diversi fawls li saru fuqu. Simili għal Ángel Torres ta’ Balzan, Trillò ta’ impressjoni tajba fil-kwalitá ta’ dribbles li kapaċi jagħmel u ma jiddejjaq xejn imur għal konfront dirett ma’ plejer avversarju. Il-kapaċitajiet tiegħu huma aktar evidenti meta jilgħab il-ballun mal-art.
Ismijiet oħra interessanti, u li huma ġodda għal Kampjonat Premier, u li tajjeb li wieħed jibqa’ jżomm għajnejħ fuqhom, huma:
Alessandro Coppola | difensur ċentrali ta’ Birkirkara, mill-Italja u li għad għandu 22 sena.
Almir de Jesús Soto Maldonado | midfielder ċentrali ta’ Żebbuġ Rangers, li qed jilgħab għall-ewwel darba fl-Ewropa. Kolombjan ta’ 28 sena.
Oke Akpoveta | attakkant ta’ 30 sena minn Niġerja ta’ Valletta.
Sintendi dawn huma osservazzjonijiet personali u suġġettivi, li qed nagħżel li naqsamhom magħkom li ssegwu l-futbol lokali b’interess. Nifhem li anke fil-futbol, wieħed jista’ jkollu ħsibijiet differenti fuq kif iħares lejn skwadra jew plejer partikolari. Għalhekk tiddejjaq xejn tagħmel kuntatt miegħi jekk għandek xi osservazzjoni li tixtieq tirrimarka u li tixtieq taqsam miegħi. Tista’ tagħmel dan billi tibgħatli e-mail fuq micallef_christian@yahoo.co.uk.
//= $special ?>