Lokali Qorti

Ħaddiem Sqalli jammetti li seraq l-għodda tal-imgħallem għax ma ħallsux

Sqalli li jaħdem fil-kostruzzjoni ammetta li seraq l-għodda propjetà ta’ min iħaddmu u qal li għamel dan wara li ma kienx imħallas għax-xogħol tiegħu. Giuseppe Amato ta’ 32 sena minn Katanja deher quddiem il-maġistrat Doreen Clarke, akkużat b’serq, li kiser il-paċi pubblika u aggredixxa lill-kap tiegħu.

L-Ispettur Ryan Vella, li ressaq lill-akkużat, spjega lill-Qorti kif fl-20 ta’ Awwissu, l-għassa tal-Qawra rċeviet rapport fuq argument fil-viċinanzi ta’ Buġibba. Fuq il-post, l-pulizija sabu li uffiċjali tal-pulizija tal-komunità kienu diġà żammew lill-akkużat, li mbagħad ittieħed l-għassa.

Vella spjega kif il-persuna li għamlet ir-rapport, dak li kien jimpjega lil Amato, Carmelo Leonardi, qal lill-pulizija li l-akkużat kien seraq madwar €1,500 mill-għodda tal-kostruzzjoni ta’ Leonardi minn sit tal-bini. Uħud mill-oġġetti aktar tard ġew irritornati, żied l-ispettur.

L-akkużat kien ammetta li għamel dan waqt l-interrogazzjoni tal-pulizija u kien inżamm arrestat hekk kif kien se jirritorna Sqallija. Amato, assistit mill-avukat Charmaine Cherrett, wieġeb ħati tal-akkużi. Waqt sottomissjonijiet dwar il-piena, il-prosekuzzjoni ma insistietx fuq ħabs, iżda qalet li l-oġġetti li kienu għadhom ma ġewx ritornati, li jiswew €1,200, kellhom jingħataw lura jew jitħallsu.

Cherrett qalet lill-Qorti li Amato kien qed iwiegħed li jirritorna l-oġġetti. Hija spjegat li hu kien wasal Malta aktar kmieni dan ix-xahar biex jaħdem ma’ Leonardi, iżda meta wasal iż-żmien għall-ħlas, min iħaddmu kien irrifjuta li jħallsu u għalhekk il-klijent tagħha kien seraq l-għodda.

“Sfortunatament, l-akkużat ukoll weġġa’ fl-argument, iżda kien iddeċieda li ma jressaqx akkużi għalkemm dawn kienu dokumentati,” żiedet tgħid. Il-Qorti kkundannat lil Amato għal sena ħabs, sospiżi għal tliet snin u ordnatlu jħallas l-€1,200 li kien fadal lil Leonardi fi żmien tliet xhur.