Lokali

Heritage Malta tagħti l-ġieħ lil Mario Tabone

Heritage Malta tagħti ġieħ lil wieħed mill-fundaturi tagħha, Mario Tabone. Bniedem kolt u struwit ħafna, Tabone serva bħala ċ-Chairman tal-aġenzija nazzjonali minn l-2003 sal-2008.

Taħt it-tmexxija tiegħu, Heritage Malta wettqet l-ewwel proġetti infrastrutturali ewlenin li qiegħdu l-assi tal-wirt kulturali fuq sisien sodi u li wittew it-triq għas-snin ta’ wara, kif ukoll tat bidu għal sensiela ta’ wirjiet kbar lokali u internazzjonali. Mario Tabone kien bniedem viżjonarju li dejjem kont issibu fuq quddiem nett u qrib ħafna tal-ħaddiema. In-nuqqas tiegħu se jinħass ħafna.

Nhar l-Erbgħa li ġej, propju meta se tingħata l-aħħar tislima lil Tabone, il-bnadar tal-mużewijiet u s-siti kollha taħt il-ħarsien tal-aġenzija nazzjonali se jittajru mezzasta bħala turija ta’ rispett.