“Il-Kantilena se tkun tista’ titgawda minn kulħadd, tul is-sena kollha”

Grazzi għall-fondi Ewropej, l-Arkivji Notarili se jkunu qed jieħdu dehra ġdida, bi tkabbir fl-ispażju u anki investiment li se jkun qiegħed isaħħaħ dawn l-Arkivji li jinsabu fil-Kapitali.

Xi ħaġa li ħafna ilhom jistennew hi li fil-Mużew tal-Arkivji Notarili jkun hemm “il-Kantilena” għall-wiri s-sena kollha.

Din il-poeżija ta’ Pietru Caxaro hija l-eqdem dokument letterarju bil-Malti. “Il-Kantilena” kienet ġiet miżmuma min-neputi ta’ Caxaro fl-Arkivji tiegħu, u nstabet  fis-sena 1966 mill-Professur Godfrey Wettinger u Patri Mikiel Fsadni.

Ma’ Net News, jikkummenta Cleavon Vella li huwa l-Assistent Direttur fl-Uffiċċju tan-Nutara tal-Gvern.

Aħna l-volumi tagħna jmorru lura għas-seklu 15, imma l-aktar dokument, imma l-aktar dokument importanti huwa l-Kantilena ta’ Pietru Caxaro, l-eqdem dokument bil-lingwa Maltija u dan huwa ġojjel, u għalhekk irridu naqsmu dan il-ġojjel mal-poplu kollu b’mod partikolari dawk li għandhom għal qalbhom il-lingwa Maltija

Saqsejnih ukoll kif u fejn se tkun eżebita il-Kantilena.

“Il-Kantilena kienet restawrata ftit snin ilu anki b’finanzjament mill-Akkademja tal-Malti, li ta’ dan niringrazzjaw u se tkun eżebita f’kundizzjonijiet apposta li tkun imħarsa biex tkun tista’ tibqa’ titgawda”

Il-kantilena ġiet miktuba fis-seklu 15, u t-test tagħha huwa kważi kollu semitiku – għajr il-kelma vintura, li hija meqjusa li ġejja mill-Isqalli.

Ix-xogħol fuq l-Arkivji Notarili issa ilu għaddej ‘il fuq minn ħames snin, u l-binja ġiet estiża – tant li għandha żewġ entraturi, waħda minn Triq San Kristofru, u l-oħra minn Triq San Pawl fil-Belt Valletta.

Il-ħsieb hu li ftit ftit wara li jitlesta l-proġett, jitpoġġew lura l-volumi li kien hemm, u did-darba se jitpoġġew b’mod orizzontali – bi xkaffa bejniethom – biex il-ħsara tkun ferm anqas fuq id-dokumenti u l-karta.

Kull sena, huwa mbassar li mal-2,000 volum Notarili jitpoġġew fl-Arkivji.

Ix-xogħol fuq l-Arkivji Notarili fil-Belt Valletta għandu jkun lest sa Diċembru li ġej.