Lokali

Il-Ministru ma jgħidx jekk jaqbilx jew le mal-abbozz ta’ liġi li ressaq il-PN

Il-Ministru tal-Ġustizzja Jonathan Attard jibqa’ ma jikkommetix ruħu – u jibqa’ ma jgħidx x’inhi l-pożizzjoni tiegħu dwar l-abbozz ta’ ligi li reġa’ ressaq mill-PN fl-aħħar ġimgħat.

Il-proposti joħorġu kollha mir-rakkomandazzjonijiet li kienu ġew preżentati sena ilu mill-inkjesta pubblika, u li kważi kollha tħallew fuq l-ixkaffa.

“Dwar il-proposti inkunu nistgħu nitkellmu fil-kuntest Parlamentari, però jien nibqa’ nenfasizza li dan il-Gvern jibqa’ għaddej bil-ħidma politika tiegħu”

Net News saqsa wkoll lill-Ministru Jonathan Attard  jekk dan l-abbozz ġiex diskuss fuq livell ta’ Kabinett, bil-Ministru jaħrab din id-domanda.

Uħud mil-liġijiet li ġew proposti mill-PN f’dan l-abbozz kienu li;

  • Fil-Kostituzzjoni ta’ Malta: jiġu elenkati d-dmirijiet tal-Gvern fl-interess tal-ġid komuni;
  • jiġu elenkati d-dmirijiet tal-Gvern Interim (jiġifieri waqt il-perjodu ta’ meta titħabbar elezzjoni ġenerali sa’ meta ssir l-elezzjoni);
  • jiżdied ir-reat ta’ meta wieħed ifixkel il-kors tal-ġustizzja;
  • jiġu introdotti reati ġodda meta uffiċjal pubbliku, inkarigat bl-infurzar tal-liġi, jonqos b’mod intenjzonat mid-dmirijiet tiegħu;
  • Il-liġi kontra l-ħasil tal-flus tiġi mibdula biex joħorġu ‘unexplained wealth orders’.
  • Il-Pulizija tingħata għodda aħjar biex tkun tista’ tinvestiga delitti gravi. Dan billi, bil-permess tal-Maġistrat Inkwerenti, l-ħin li persuna tista’ tinżamm arrestata minn 48 siegħa tiżdied għall-70 siegħa. Dan f’każijiet eċċezzjonali bħalma huma terroriżmu, omiċidju, traffikar tad-droga u ħasil tal-flus u
  • Li l-Kostituzzjoni ta’ Malta tibda’ tipprovdi l-ogħla protezzjoni possibbli għall-ġurnaliżmu indipendenti u ħieles filwaq li jsir wieħed mill-pilastri tas-saltna tad-dritt.

L-għan ta’ dan l-abbozz min-naħa tal-PN huwa biex fuq kollox jidħlu fis-seħħ ir-rakkomandazzjonijiet li ħarġu mill-inkjesta pubblika li saret wara l-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.