“L-impenn tiegħi huwa wieħed ċertament lejn l-għaqda fil-Partit biex dik tibqa’ tissaħħaħ u biex dik l-għaqda tagħti kull dibattitu fil-Partit sens veru ta’ dibattitu.“
Alex Perici Calscione ilu fil-kariga ta’ Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista għal dawn l-aħħar tliet ġimgħat iżda matul dawn il-ftit jiem diġà beda bil-ħidma tiegħu… ħidma li qed tiffoka fuq l-organizzazzjoni tal-Partit; fosthom il-kumitati sezzjonali u l-fergħat.
“Irridu nagħrfu fejn inqasna f’ċerti mumenti imma l-iktar ħaġa importanti hi li nkunu leali ma’ dawk li huma leali lejna.. liema lealtà tissarraf f’politika serja u strateġija tajba sabiex ikollna Malta aħjar.“
Fl-intervista ma’ Net News, Perici Calascione qal li l-Partit Nazzjonalista minn dejjem kien dak il-Partit li fih saru diskussjonijiet interni dwar numru ta’ suġġetti… anke jekk f’ċerti sitwazzjonijiet ma kienx ikun hemm qbil.
“Jien nemmen ħafna li d-diskussjoni trid issir internament u nemmen ħafna li biex id-diskussjoni ssir internament aħna hawn ġew inkun lesti li nilqgħu dik id-diskussjoni. Bħal kollox fil-ħajja mhux kwistjoni ta’ kif iġib ruħu persuna waħda jew grupp ta’ persuni imma kwistjoni ta’ rispett reċiproku li jrid ikun.“
Huwa fakkar kif fil-passat it-taħlit ta’ ideat fi ħdan il-Partit Nazzjonalista ssarrfu fl-aħjar deċiżjonijiet li ttieħdu għal pajjiżna u din għandha terġa’ tkun l-formula li jimxi fuqha l-Partit Nazzjonalista – formula li tinkludi fiha ħidma u rispett lejn kulħadd.
“Nagħmlu ħażin jekk aħna realta li qiegħda hemm qisu ndaħħlu rasna fir-ramel u ma nindirizzawhiex… pero daqstant nagħmlu ħażin li naħsbu li dik ir-realta hija l-unika realtà li għandna bħala Partit għaliex hemm realta li hija ikbar u isbaħ li lkoll għandna responsabbiltà kbira lejha.“
Alex Perici Calscione qal li huwa importanti li jittieħdu d-deċiżjonijiet neċessarji… anke jekk ikunu deċiżjonijiet li ma jintgħoġux minn kulħadd.
“Inti trid tieħu deċiżjonijiet, anke ibsin, li hemm bżonn li jittieħdu. Pero importanti li dawn ikunu bħala riżultat ta’ proċess fejn inti trid tibda b’rispett lejn kulħadd… fuq dak ir-rispett, tibni. Wara li tkun bnejt, jittieħdu d-deċiiżjonijiet li jeħtieġ li jittieħdu.“
Il-Viċi Kap tal-PN enfasizza n-neċessità li l-Partit jagħraf kif qed tinbidel is-soċjetà Maltija.
“Il-politika, jekk qed nagħmlu politika li hija rilevanti għas-soċjetà tal-lum, trid qabel xejn tifhem is-soċjetà tal-lum kif tbidlet, fejn tbidlet… mhux kull tibdil huwa neċessarjement għat-tajjeb, imma huwa tibdil li inti trid tkun aware minnu… inkella l-messaġġ ma jasalx.“
Alex Perici Calascione reġa’ tenna l-importanza li l-Partit Nazzjonalista jaħdem id f’id sabiex verament jagħti lill-poplu dak li jixraqlu.
“Il-kelma flimkien tagħmel id-differenza kollha u aħna lejn dak irridu naħdmu u ċertament li hekk qed nagħmlu.“