L-għaqda ‘Studenti Graffitti’ fi stqarrija qalet illi tinsab imħassba dwar ir-realtajiet soċjoekonomiċi attwali li qed jesperjenzaw ħafna familji bi dħul baxx f’Malta. Dan wara l-aħbar li l-Junior College se jibda joffri korsijiet ta’ 4 snin biex l-istudenti jingħataw ċans aħjar biex jibbilanċjaw l-istudji tagħhom u jipprovdu dħul għall-familji tagħhom.
Programmi tal-istudju flessibli huma żieda importanti għall-istudji peress li jippermettu lill-istudenti jistudjaw bil-pass tagħhom. Madankollu, irridu nenfasizzaw ir-raġunament problematiku wara dan l-istil ġdid ta’ kors. Il-fatt li l-Junior College hu konxju li żgħażagħ taż 16-il sena qed jaħdmu biex ilaħħqu mal-ħajja juri li hemm problema sistematika. Nenfasizzaw li dak li qed jiġi offrut ma jistax ikun is-soluzzjoni. Mingħajr ebda azzjoni biex tinbidel is-sistema ekonomika tagħna, is-sitwazzjoni se tkompli tiggrava kemm għall-istudenti kif ukoll għall-klassi tal-ħaddiema kollha.
Is-sistema ekonomika preżenti tiskoraġġixxi bosta adoloxxenti milli jsegwu edukazzjoni terzjarja minħabba l-kundizzjoni finanzjarja tagħhom. L-għażla ta’ dan il-kors mhux se jsolvi l-problemi sistemiċi iktar profondi li wasslu biex żgħażagħ ta’ bejn is-16 u t-18-il sena saru l-persuni ewlenin li jipprovdu għall-familji tagħhom.
Filfatt, l-NSO irraportat li f’Malta, wieħed minn kull ħamsa tal-persuni taħt it-18-il sena jinsab f’riskju ta’ faqar. Filwaqt li dawn jaħdmu qatigħ biex jgħixu u jlaħħqu mal-ħajja, dawk l-iktar sinjuri jkomplu jisfruttaw is-sitwazzjoni prekarja tagħhom billi jipprovdu pagi baxxi, sigħat twal tax-xogħol, u kundizzjonijiet tax-xogħol inadegwati.
Nenfasizzaw li dan il-kors m’għandux jitqies bħala soluzzjoni għad-destituzzjoni ta’ ċerti familji li għandhom bżonn il-kontribut ta’ wliedhom biex jgħixu, filwaqt li jonqsu milli jindirizzaw il-kwistjonijiet serji ta’ faqar li jiffaċċjaw bosta familji f’Malta li jirriżultaw mis-sistema kapitalista.
Kull student għandu jiġi mħeġġeġ isegwi l-aspirazzjonijiet akkademiċi tiegħu full-time, jekk jixtieq jagħmel dan, mingħajr ma jkollu għalfejn jinkwieta dwar is-sitwazzjoni finanzjarja tiegħu jew tal-familja tiegħu. Il-kawża ewlenija ta’ din il-kwistjoni tista’ tissolva biss billi jittejbu l-kundizzjonijiet tal-klassi tal-ħaddiema kollha kemm hi. Huwa biss billi niġġieldu għal pagi ogħla li jlaħħqu mal-għoli tal-ħajja, kundizzjonijiet tax-xogħol aħjar u d-dritt għal akkomodazzjoni affordabbli li nistgħu nibdew nindirizzaw din il-kwistjoni interkonnessa.
Filwaqt li nixtiequ naraw lill-gvern jikkunsidra aktar appoġġ finanzjarju għall-istudenti li jaħdmu billi jkompli jgħolli l-ammont tal-istipendju u jżid is-sigħat tax-xogħol permessi fil-ġimgħa, nenfasizzaw li dan mhux biżżejjed. Inħeġġu bis-sħiħ lill-istudenti li jaħdmu biex jiddiskutu ma’ xulxin, jorganizzaw, jingħaqdu u jiġġieldu għad-drittijiet tagħhom, għax dan huwa l-uniku mod kif il-klassi tal-ħaddiema jista’ jkollha s-setgħa fuq min jisfruttaha.
//= $special ?>