Futbol Sport

Manchester City miżmuma minn Newcastle fl-aħjar logħba tal-istaġun

(Ritratt: EPA)

Iċ-Champions Ingliżi Manchester City salvaw dro drammatiku kontra Newcastle United fl-aktar logħba eċċitanti tal-istaġun li ntemmet 3-3 f’St James Park.

Intant, iż-żewġ punti mitlufa mis-Citizens f’dan il-konfront ifissru li Arsenal għadhom il-leaders temporanji tal-Premier League Ingliż b’punti massimi u fejn huma segwiti mill-istess Man City, Leeds Utd, Tottenham u Brighton, ilkoll b’seba’ punti.

City kisbu gowl bikri wara biss ħames minuti meta Bernardo Silva għadda l-ballun lill-iżmarkat Ilkay Gundogan li ma kellux diffikultà biex jegħleb lill-gowlkiper Nick Pope mill-viċin.

Iżda l-gowl donnu ta spinta inkredibbli lill-Geordies li rnexxielhom jaqilbu r-riżultat sal-mistrieħ u kontra kull mistenni.

Il-gowl tad-dro wasal man-nofs siegħa meta Miguel Almiron sab ix-xibka fuq il-kross ta’ Allan Saint-Maximin, bil-gowl ikun ikkonvalidat mill-VAR li annulla d-deċiżjoni inizjali għal offside.

Fid-39 minuta, Saint-Maximin, il-plejer tal-logħba, ħoloq konfużjoni fid-difiża ta’ City qabel sab lil Callum Wilson li kkontrolla l-ballun u poġġa lit-tim tiegħu fil-vantaġġ.

City komplew isibu lil Pope attent fil-lasta ta’ Newcastle u fl-54 minuta l-pubbliku f’St James Park kien qed jiċċelebra t-tielet gowl tal-Geordies meta Kieran Trippier għeleb lil Ederson bi freekick perfett.

Iżda l-gowl qanqal reazzjoni qalbiena minn City, b’Erling Haaland mas-siegħa logħob inaqqas id-distakk b’xutt mill-viċin fuq l-assist ta’ Rodri u erba’ minuti wara Bernardo Silva jikseb parità fuq it-through ball brillanti ta’ Kevin de Bruyne, bir-riżultat ta’ 3-3 ma jinbidilx sa tmiem il-partita

(Ritratt: EPA)

Illejla Manchester United f’Old Trafford jilqgħu lil Liverpool hekk kif it-tim immexxi minn Erik ten Hag se jkun qed ifittex l-ewwel punti dan l-istaġun filwaqt li Liverpool għadhom bla rebħa wara żewġ draws.