Lokali

Restawr tal-Monument l-Antik tal-Ġimgħa l-Kbira tar-Rabat

Ir-Rabat huwa mogħni bi storja ta’ eluf ta’ snin u wieħed mill-aspetti li bihom huwa mżejjen huwa l-qasam reliġjuż. Fost dawn insibu l-kult tal-Passjoni, l-Mewt u l-Qawmien ta’ Sidna Ġesù Kristu: l-Ġimgħa l-Kbira u dak kollu li jintrabat magħha.

Propju kien fir-Rabat li bdiet issir l-ewwel purċissjoni tal-Ġimgħa l-Kbira li baqgħet tiżviluppa sal-ġurnata tal-lum. Ma jistax jonqos li fuq medda ta’ mijiet ta’ snin issawwar patrimonju għani f’dan il-qasam. Wieħed mill-elementi essenzjali għall-purċissjoni huma l-vari.

L-aktar vara li tiġbed l-għajn, hija dik li tirrappreżenta lil Kristu Mejjet jew kif hawn bosta jafuh aktar bħalha l-Monument. Il-Monument ta’ Kristu Mejjet li hemm r-Rabat huwa uniku u ta’ importanza kbira. Sa mill-bidu nett fil-purċissjoni tal-Ġimgħa l-Kbira konna nsibu rappreżentazzjoni ta’ Kristu Mejjet bħala l-għeluq tal-purċissjoni. Iżda fl-1771 deher għall-ewwel darba monument ġdid fil-forma ta’ urna tal-injam bl-iskultura, indurat bid-deheb u mixgħul b’44 globu.

Intant, iż-żmien iħalli l-effett tiegħu fuq kollox u wara 180 sena li saret s-sodda fejn jitqiegħed Kristu Mejjet kienet waslet għar-restawr iżda minflok saret replika tagħha u bdiet tintuża hi fil-purċissjoni nhar il-Ġimgħa l-Kbira. Is-sodda oriġinali baqgħet ikkonservata fin-niċċa tagħha fis-Santwarju ta’ San Ġużepp fil-knisja Ta’ Ġieżu r-Rabat. Sfortunatament fuq medda ta’ 70 sena ma tintużax l-istat tagħha ddeterjora għall-aħħar u għalhekk kien meħtieġ li tiġi restawrata biex ma tintilifx għal dejjem.

Għalhekk ittieħdet l-inizjattiva biex jinbeda r-restawr neċessarju. Wara li sar intervent ta’ emerġenza biex ma jintilef xejn, saret l-iffumigazzjoni bl-anoxia biex jinqerdu l-insetti li kien hemm. Wara li tnaddaf il-ħmieġ kollu li kien inġabar beda l-konsolidament tal-partijiet li kienu ddistakkaw ruħhom mill-istruttura kemm tal-injam kif ukoll tal-ġibs tal-induratura. Imbagħad kien imiss li jissewwa l-injam li kien attakkat mis-susa biex jerġa’ jissaħħaħ u b’hekk tkun konsolidata l-istruttura u fl-aħħar reġa’ ngħaqad kollox flimkien.

Din l-ewwel fażi tar-restawr ammontat għas-somma ta’ €20,000. Issa jonqos it-tieni u l-aħħar fażi li tinkludi r-restawr tal-induratura biex il-Monument jerġa’ jieħu d-dehra unita u sabiħa li kellu meta żżanżan aktar minn 250 sena ilu. L-aħħar fażi se tiswa €14,000. Għal min jixtieq jagħti donazzjoni jista’ jagħmel hekk billi jibgħat ċekk pagabbli lill-Arċikonfraternità ta’ San Ġużepp fl-indiriżż P.O.Box No. 9 Rabat jew inkellha permezz tal-BOV Mobile App: 77001930