Il-problemi fil-bajja ta’ Kemmuna ilhom hemm is-snin. U sa issa għadhom ma ġewx indirizzati.
Iżda it-Tnejn, il-Ministru tat-Turiżmu Clayton Bartolo prova jserraħ ras in-nies li se jsolvi kollox sas-sajf li ġej.
Meta kien qed iwieġeb għad-domandi li sarulu mit-Times of Malta, Clayton Bartolo assigura li kollox se jissolva sas-sajf li ġej. Iżda l-kummenti tal-Ministru ġabu baraxx ta’ reazzjonijiet fuq il-media soċjali għaliex ftit li xejn qed jitwemmen, minħabba li l-Gvern ilu snin twal ikaxkar saqajh fuq din il-kwistjoni.
Fost il-kummenti kien hemm min kiteb li minn issa sas-sena d-dieħla Kemmuna se tkun ‘free for all’, b’oħrajn jikkummentaw li s-sajf għadu magħna u fadallu xahar ieħor. Għalhekk il-Gvern messu ħa azzjoni immedjament.
Persuni oħra esprimew dubji kbar dwar kemm il-Ministru se jżomm kellmtu u dwar kemm it-tibdli li se jsir hux se jkun tibdil għall-aħjar jew inkella tibdil li jaġevola lill-‘ħbieb’ tal-Gvern.
Fil-kummenti tiegħu lit-Times il-Ministru Bartolo qal li li l-Gvern qed jagħmel xogħolu – u spiċċa jfarfar fuq in-nies.
Dan id-diskors ukoll qajjem bosta reazzjonijiet hekk kif uħud ikkummentaw li x-xogħol tal-Gvern se jkun li ma jagħmel xejn sa sena oħra biex sadattant jinstab dħul ieħor minflok dak mid-deckchairs u l-umbrelel.
Ma naqsux numru ta’ kummenti sarkastiċi fosthom ‘when tomorrow never comes’, #bartolobozzatalmijamhuxled, ‘minn dan is-sajf ħasel idejh pilatu’ u ‘take it easy Ministru’.
Ftit tal-ġranet ilu numru ta’ attivisti ambjentali flimkien mal-Moviment Graffiti għamlu protesta oħra fil-bajja tal-Blue Lagoon f’Kemmuna biex din il-gżira tkun tista’ titgawda minn kulħadd u jitħares l-ambjent naturali tagħha. Filwaqt li l-Partit Nazzjonalista min-naħa tiegħu insista li l-Gvern ma jistax jibqa’ jinjora lil kulħadd.
//= $special ?>