Lokali

Student jinżamm arrestat wara li allegatament stupra żewġ tfajliet

Student ta’ 21 sena minn Ħal Tarxien ċaħad li stupra żewġ tfajliet, waħda minnhom minorenni, f’inċidenti separati f’perjodu ta’ 24 siegħa. L-ispetturi John Spiteri, Sarah Kathleen Zerafa, Ryan Vella u l-Prosekutur Darlene Grima mill-uffiċċju tal-AĠ akkużaw liż-żagħżugħ, li ma jistax jissemma fuq ordni tal-Qorti, b’żewġ akkużi ta’ stupru u arrest illegali.

Huwa wieġeb mhux ħati. Fil-Qorti ntqal li l-ewwel mill-allegati inċidenti seħħ qrib nofs il-lejl tat-3 ta’ Ġunju, f’Ħal Tarxien u l-ieħor f’ħin simili fl-4 ta’ Ġunju f’Little Armier. L-avukat difensur Arthur Azzopardi, talab il-ħelsien mill-arrest u talab għall-projbizzjoni tal-pubblikazzjoni tal-isem tal-akkużat u taż-żewġ vittmi tiegħu.

Il-prosekuzzjoni oġġezzjonat għall-ħelsien mill-arrest, Grima irrimarka li l-vittmi kienu għadhom iridu jixhdu f’dan il-każ, u li kien hemm diversi xhieda ċivili importanti. L-ispettur John Spiteri żied jgħid li l-allegata vittma tal-ewwel aggressjoni kienet tant kienet fis-sakra li ma setgħetx tiddeskrivi lill-aggressur tagħha.

Barra minn hekk, diversi persuni, li kienet magħhom u li kienu tawha lift fil-post, jgħixu qrib l-akkużat, qal l-ispettur. “Il-ftit li tiftakar huwa importanti ħafna wkoll. Sadaniitant id-DNA jorbot lill-akkużat mad-delitt inizjali, iżda x-xhieda hija kruċjali.”

Għad-difiża, Azzopardi sostna li ma kienx hemm dubju li dawn ix-xhieda jridu jixhdu. L-akkużat u l-vittma ma kellhom ebda konnessjoni jew komunikazzjoni bejniethom, huwa qal. Ix-xhieda ċivili li fadal huma sidien ta’ CCTV, liema filmati ma jistgħux jiġu mbagħbsa, u nies li se jixhdu li l-vittma kienet fis-sakra.

Imbagħad ġie rrimarkat lill-avukat li t-tieni każ kien jinvolvi minorenni. Hija xehdet fl-inkjesta u ma tistax tbiddel il-verżjoni tagħha. Il-bqija huma nies li kienu ġew mitkellma mill-pulizija u huma kollha xhieda tad-difiża, qal l-avukat. “Għalhekk għandna żagħżugħ ta’ 21 sena, li tressaq l-ewwel darba b’rekord kriminali nadif. Għadu student, jgħix mal-ġenituri tiegħu, li huma lesti li jiggarantixxu l-libertà proviżorja tiegħu,” sostna l-avukat, filwaqt li aċċetta li l-akkużi “mhumiex pjaċevoli.”

Spiteri qabel parzjalment mad-difiża, iżda qal li minkejja li l-akkużat kien għadu student, xorta baqgħet il-biża’ li tbagħbis l-evidenza. “Għalkemm isostni li ma kienx jaf wieħed mill-ismijiet tal-vittma, issa jagħmel dan għax jissemma fl-akkużi.” Żewġ xhieda fil-club fejn il-vittma kienet qed tixrob, huma importanti biex jiġi stabbilit il-ħin li fih sar ix-xorb, qabel ma ngħatat lift mill-akkużat.”

Żied jgħid li bl-ebda mod il-pubblikazzjoni tal-isem tal-akkużat ma twassal għall-identifikazzjoni tal-vittmi. Il-kontroreplika ta’ Azzopardi rrimarkat is-CCTV li ppreserva l-ħinijiet, u sostna li ż-żewġ xhieda ma kinux kruċjali daqs kemm kienet qed tinsisti l-prosekuzzjoni. Il-persuni kollha preżenti fil-party jitgħu jafu x’ġara.

Hekk kif l-akkużat jissemma fl-istampa, kull min kien hemm ikun jaf min huma l-vittmi. “Dawn l-akkużi ma kellhomx issiru fil-pubbliku, iżda bil-bibien magħluqa. Huwa żball tal-prosekuzzjoni, għax il-kodiċi Kriminali jistipula li l-proċeduri kollha għandhom isiru bil-bibien magħluqa.” Il-qorti, wara li semgħet is-sottomissjonijiet tal-partijiet, ċaħdet il-libertà proviżorja u laqgħet it-talba għal projbizzjoni fuq il-pubblikazzjoni tal-isem tal-akkużat jew tal-allegati vittmi.