Sport Sport Ieħor

Ċikliżmu: Primoz Roglic bil-flokk l-aħmar

(Ritratt: EPA)

Primoz Roglic kiseb il-flokk l-aħmar ta’ leader tal-Vuelta wara r-raba’ stadju tat-Tlieta, stadju li fih iċ-ċiklisti daħlu f’terriroju Spanjol wara li l-ewwel stadji saru fl-Olanda.

Roglic li rebaħ l-aħħar tliet edizzjonijiet tal-Vuelta qed jimmira li jirbaħ għar-raba’ darba konsekuttiva l-Vuelta li jkun rekord għal din il-korsa li hi t-tielet l-iktar waħda importanti wara t-Tour de France u l-Giro d’Italia. L-istadju tat-Tlieta kellu tmiem għat-telgħa fil-belt Baska ta’ Laguardia. Kien biss fl-aħħar metri li Roglic aċċerta mir-rebħa fejn daħal quddiem Mads Pedersen u Enric Mas.

Għal Roglic din ir-rebħa kienet l-għaxar waħda tiegħu fil-Vuelta matul il-karriera. Fil-klassifika ġenerali Roglic issa għandu vantaġġ ta’ 13-il sekonda fuq l-Amerikan Sepp Kuss.

Il-Vuelta tkompli l-Erbgħa b’tappa impenjattiva b’diversi tlajja iebsin u bi tmiem fil-belt ta’ Bilbao, waħda mill-bliet prinċipali tar-reġjun Bask.

(Ritratt: EPA)