Wara ġimgħat twal ta’ silenzju, partikolarment fl-isfond tal-kriżi tal-linja tal-ajru nazzjonali Air Malta, il-Ministru Clyde Caruana kien sfurzat iħabbat wiċċu mal-ġurnalisti hekk kif kien qiegħed jilqa’ lill-President tal-Eurogroup u Ministru tal-Finanzi Irlandiz Paschal Donohoe.
Inevitabbilment fost il-lista ta’ domandi li sarulu mill-ġurnalisti kien mistoqsi jwieġeb dwar is-sitwazzjoni tal-Air Malta – bil-Ministru jisħaq li ma hemm xejn ħażin rigward il-linja nazzjonali tal-ajru.
Madanakollu mistoqsi darbtejn biex iwieġeb jekk hux se jkun qiegħed jgħalaq l-Air Malta kif nafuha illum, Clyde Caruana żamm lura u ma weġibx….mingħajr ma eskluda xejn. Dan bil-konsegwenza li ħalla mdendel mhux biss il-futur tal-ħaddiema u l-familji tagħhom, iżda ankè l-futur tal-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta u s-settur turistiku f’Malta – niċċa ekonomika essenzjali għal pajjiżna.
Net News staqsa lill-Ministru għaliex minn meta The Shift News żvelaw li kien qiegħed jippjana sabiex jagħlaq l-Air Malta għadu ma laqgħax l-appelli tal-General Workers Union għal laqgħa urġenti sabiex jiddiskutu dan. Clyde Caruana ċaħad li injora t-talbiet tagħhom, iżda fl-istess waqt ammetta li għadu ma poġġiex bilqiegħda magħhom sa minn dakinhar…u se jkun qed jagħmel dan fil-jiem li ġejjin.
Intant Net News staqsa wkoll lill-Ministru sabiex jiċċara l-kwistjoni dwar għaliex li filwaqt impjegati tal-Air Malta qed jiġu mġiegħla jbiddlu xogħlhom wara diversi snin, qed jiddaħħlu ħaddiema ġodda mal-linja nazzjonali tal-ajru…bil-Ministru jikkonferma dan u jisħaq li s’issa daħlu madwar 50 persuna….iżda ċaħad li għandhom paga daqs jew aktar mill-impjegati preċedenti.
Filwaqt li Clyde Caruana saħaq li l-pjan tal-Gvern dwar l-AirMalta għaddej kif suppost u li m’hemm xejn ħażin biha…..huwa fatt li l-ħaddiema li suppost kellhom jiġu trasferiti għall-impjieg mal-Gvern għadhom qed jinżammu mal-Air Malta, bil-Ministru jfarfarha fuq il-ħaddiema nfushom għax kien hemm ammont akbar ta’ impjegati li riedu jitilqu mill-ammont pjanat oriġinarjament.
Għaldaqstant is-sitwazzjoni tal-Air Malta għadha konfuża immens, b’instabbilità qawwija…bl-unika stqarrija ċara u tonda li waslet mill-Ministru Clyde Caruana dwar l-Air Malta kienet ftit tal-ġimgħat qabel l-Elezzjoni Ġenerali….meta qabbel il-linja tal-ajru nazzjonali ma’ fireplace li taħraq il-miljuni tal-ewro.
//= $special ?>