Lokali

AĠĠORNATA (2): Għaxra arrestati waqt raids mill-Pulizija fil-Belt u l-Marsa

Skwadri tal-Pulizija kmieni dalgħodu wettqu raid f’żewġ residenzi fil-Belt Valletta.

Kien kmieni dalgħodu meta l-Pulizija waslu fi Triq l-Infermerija, fejn hemmhekk daħlu fir-residenzi u wettqu xi tfittxijiet. B’sorsi jindikaw li mal-wasla tal-Pulizija kien hemm kommossjoni sħiħa fiz-zona, u instema’ ħafna għajjat.

Net News jikkonferma li r-raid kien relatat ma’ droga. Għalkemm sorsi oħrajn qalulna li possibilment inżammu persuni li kienu involuti fi ċrieki kriminali.

Din l-operazzjoni kienet ilha għaddeja mis-6:30am. Għalkemm l-investigaturi kienu ilhom diversi jiem josservaw din iz-zona fil-Belt Valletta.

Fir-raid, il-Pulizija arrestaw 10 persuni. Bil-crew tagħna fil-Belt jikkonferma li inżammu seba’ irġiel u żewġ nisa. Uħud minn dawk arrestati huma qraba ta’ xulxin.

L-operazzjoni imbgħad kompliet fil-Marsa, fejn ġiet iċċirkondata stalla fi Triq it-Tiġrija. Hemmhekk ġie arrestat Malti ta’ 50 sena residenti ż-Żejtun u minn tfittxija li saret f’remissa, insabet ammont ta’ sustanza suspettata kannabis, kokaina u droga sintetika, lesta biex tiġi traffikata.

L-investigazzjonijiet għadhom għaddejin, filwaqt li l-persuni arrestati qed jiġu interrogati fid-Depot.

Fil-post kien hemm membri tal-SIU, uffiċjali tar-Reati Maġġuri, Pulizija tad-Distrett kif ukoll mill-Community Policing.

Il-Maġistrat Gabriella Vella qed tmexxi inkjesta.