Internazzjonali

Finlandja: Il-Prim Ministru Sanna Marin tittestja negattiv għad-droga

Il-Prim Ministru tal-Finlandja Sanna Marin ħarġet negattiva minn test tad-droga li saritilha u wara li l-kritiċi tagħha f’Helsinki kienu sejħu biex hi tirriżenja ‘għal imġieba inkompatibbli mal-kariga tagħha’.

Marin, fl-aħħar jiem, kienet suġġetta għal kontroversja kbira wara li filmat fuq il-mezzi soċjali wera lill-Prim Ministru qed tixorb l-alkoħol u tiżfen ‘b’entujażmu’ mal-ħbieb tagħha waqt party. Dan fost akkużi persistenti li n-nies preżenti għall-party kienu qed jikkunsmaw kwantità ta’ droga fil-miftuħ.

Il-Prim Ministru, intant, dejjem ċaħdet li hi qatt messet id-droga f’ħajjitha u r-riżultat tat-test, li kien ittieħed fid-19 ta’ Awwissu,  ikkonfermalha kliema. It-test kien wieħed komprensiv u li fih Marin għaddiet minn screening għal traċċi ta’ kokaina, methadone, kannabis u tipi oħra ta’ droga fis-sistema tagħha.