Il-midfielder tat-tim nazzjonali Ingliż tan-nisa Jill Scott ħabbret li se temm il-karriera tagħha. Scott li għandha 35 sena saret it-tieni membru tat-tim nazzjonali Ingliż rebbieħ reċentement tal-Euro 2022, li ħabbret li se tirtira.
Jumejn ilu Ellen White, l-aqwa skorer ta’ kull żmien tat-tim nazzjonali wkoll ħabbret li kienet qed ittemm il-karriera tagħha. Kemm Scott kif ukoll White kienu parti mit-tim Ingliż li fl-aħħar ta’ Lulju għelbu lill-Ġermanja 2-1 fil-finali ta’ Wembley.
Jill Scott għamlet id-debutt tagħha mat-tim nazzjonali Ingliż fl-2006 u b’kollox lagħbet 161 logħba u skorjat 27 gowl. Hi tinsab fit-tieni post fil-klassifika ta’ kull żmien ta’ plejers li lagħbu għall-Ingilterra, fejn iktar minnha lagħbet biss Fara Williams li b’kollox lagħbet 172 logħba mal-Ingilterra.
