“F’pajjiżna qed naraw is-sigurtà tagħna tiġi mhedda, b’inċidenti li qed jiġru ta’ spiss. Hawn sensazzjoni li mhux qed niġġieldu kontra l-kriminalita”.
Hekk stqarr Joe Giglio, Kelliem tal-PN dwar l-intern fejn f’kumment lil Net News elenka numru ta’ proposti li qed jagħmel il-PN fir-rigward tas-sigurta ta’ pajjiżna.
Giglio tkellem dwar il-kundizzjonijiet tal-waħx li qed jaħdmu fihom l-uffiċjali tal-Pulizija, li jfisser li ma jistgħux jaħdmu kif suppost, u semma’ l-ġlieda kbira li nqalgħet fil-Ħamrun il-Ġimgħa li għaddiet, bi ftit uffiċjali tal-Pulizija jippruvaw jagħmlu l-impossibbli.
Il-Kelliem tal-PN qal li l-barranin li għandhom visa huma marbuta li josservaw il-liġijiet tal-pajjiz, inkella tiġi revokata l-visa u jintbagħtu lura. Huwa qal li Identity Malta mhux b’saħħitha biżżejjed f’dan ir-rigward.
Giglio qal li l-qrati jridu jissaħħu u trid terġa’ tinkiteb il-kodiċi kriminali li tmur lura għall-1854,
Hu qal li anke l-armata tista’ tgħin bħal ma kienet tagħmel fl-imgħoddi fil-ġlieda kontra d-droga, biex ikun hawn aktar sigurtà fit-toroq ta’ Malta.
Joe Giglio qal li l-aġenziji diversi li jistgħu jassistu fis-sigurta ukoll jeħtieġu tisħiħ.
Il-Kelliem tal-PN qal li dawn il-proposti huma ideat konkreti ta’ kif tista’ tissaħħaħ is-sigurtà f’pajjiżna u jeħtieġ li jiġu implimentati b’mod urġenti.
//= $special ?>