Sa issa l-poplu Malti u Għawdxi ħareġ mas-17-il miljun ewro f’taxxi biex jinkera l-vapur Nikolaos.
In-nefqa ta’ €15,000 kuljum għal aktar minn 1,150 jum qed issir biex passiġġieri li jridu jaqsmu bejn iż-żewġ gżejjer ikunu moqdija bir-raba’ vapur..
Madankollu dan ir-raba’ vapur hu ta’ livell ferm aktar baxx mit-tliet vapuri tal-flotta tal-Gozo Channel li kienu nbnew ġodda, u bosta huma dawk li jgergru mill-vapur Grieg li mhux aċċessibbli u li jista’ jitħaddem biss erba’ sigħat filgodu u erba’ filgħaxija.
L-Assocjazzjoni Għawdxija tat-Turiżmu, il-GTA, fil-pre-budget document ta’ din is-sena qed tipproponi li jinbena vapur ġdid – propju biex jieħu post in-Nikolaos.
Net News prova jagħmel kuntatt ma’ Joe Cordina, Chairman tal-Gozo Channel, biex nistaqsuh kemm se jdum jinkera l-vapur Grieg u jekk hemmx pjan konkret biex jinbena r-raba’ vapur.
Madankollu, sa issa ma rċevejna l-ebda tweġiba.
In-Nikolaos beda jopera f’Ġunju ta’ tliet snin ilu…u kellu jkun qed jintuża biss għal sitt xhur. Imma xahrejn wara, il-Ministru t’Għawdex ta’ dakinhar, Justyne Caruana, dawret id-diska u qalet li l-vapur issa kien daħal biex jibqa’.
Intant, f’Settembru li għadda, il-Prim Ministru waqt attività tal-Partit Laburista qal li “beda jiġi esplorat biex ir-raba’ vapur ikun aqwa”, madankollu jekk wieħed ifittex din il-wegħda fil-manifest elettorali maħruġ 5 xhur wara, ma jsibha imkien, u l-unika wegħda li saret fejn tidħol konnettività tgħid hekk “ser inkomplu ninvestu sabiex insaħħu dejjem aktar l-aċċessibilità bejn iż-żewġ gżejjer ul-effiċjenza tas-servizz bejn Għawdex u Malta” mingħajr ma jgħid imkien kif se jseħħ dan.
Meta wieħed iqis li l-vapuri l-ġodda mibnija minn Gvern Nazzjonalista bejn is-sena 2001 u 2003 swew madwar 32 miljun kull wieħed, u li sa issa għan-Nikolaos…vapur ferm inferjuri… diga’ ħallasna aktar minn 17-il mlijun… diffiċli wieħed jifhem għaliex ma kinitx ittieħdet deċiżjoni li jinbena r-raba’ vapur. Minflok, qed jibqgħu jiġu ppumpjati l-miljuni f’dan il-bastiment antik.
//= $special ?>