Lokali

Il-PBS jinstab ħati mill-BA talli ma xandarx kummenti tal-Kap tal-PN

Il-PBS reġa’ instab ħati, din id-darba mal-Awtorità tax-Xandir, f’każ ieħor illi jikkonferma l-iżbilanċ li qed iseħħ fix-Xandir Pubbliku u fit-tmexxija tal-aħbarijiet fuq TVM u TVM News+.

L-ilment tal-Partit Nazzjonalista kontra l-PBS kien dwar ir-rappurtaġġ tas-sentenza tal-Qorti li fetaħ il-Partit Nazzjonalista kontra l-PBS – sentenza li ikundannar lix-Xandir Nazzjonali.

Dakinhar, il-Kap tal-PN kien indirizza lill-media. Iżda fil-bulettin tal-PBS ma xxandar ebda kumment mill-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech.

Minħabba l-fatt li mill-istatistika li ġiet preżentata jirriżulta żbilanċ qawwi u nett bejn is-sound on tape li jittieħdu mill-kelliema tal-Gvern u dawk tal-Oppożizzjoni, l-Awtorità dderiġiet lill-istazzjon biex jaċċerta li jkun hemm rappreżentanza xierqa fin-numru ta’ intervisti li jixxandru matul il-bulettini tal-aħbarijiet bejn il-kelliema tal-Gvern u l-kelliema tal-Oppożizzjoni.

F’dan il-każ, il-PN kien rappreżentat mis-Segretarju Ġenerali Michael Piccinino.

L-Awtorità laqgħet ukoll ilment ieħor tal-PN kontra l-PBS minħabba li dan naqas li jsemmi rapport tal-OSCE fil-bulettin tal-aħbarijiet.

F’dan ir-rapport saret analiżi minn osservaturi internazzjonali li jkunu mistiedna mill-Gvern Malti biex janalizzaw il-ħidma ta’ istituzzjonijiet Maltin, fosthom il-PBS, waqt il-kampanja elettorali.

L-Awtorità tax-Xandir rat li rapport bħal dan kellu jiġi inkluż fil-bulettini tal-aħbarijiet tal-istazzjon pubbliku.

Intant, dwar storja relatata mal-Avviż Legali dwar il-mużika sas-siegħa ta’ filgħodu fil-Belt Valletta, li iżda ma ġiex irrappurtat fil-bulettin tal-PBS, l-Awtorità ddeċidiet li f’dan il-każ l-istazzjon kellu d-diskrezzjoni editorjali jekk jirrapportax dan it-tip ta’ stħarriġ.