L-Assoċjazzjoni Għawdxija tat-Turiżmu (GTA) qed tinsisti li l-Gvern ma jibqax għaddex bil-proġett tal-mina bejn Għawdex u Malta, u minflok, jinvesti f’link bl-ajru. Dan għandu jsir permezz ta’ ajruplan fixed-wing u investiment f’airstrip.
Il-GTA sostniet dan meta illum preżentat id-dokument ta’ qabel il-Budget.
L-intrapriżi tat-turiżmu f’Għawdex qed jinsistu li bid-deċiżjoni li ma ssirx il-mina, ikun qed jintbgħat messaġġ ċar li l-pajjiż irid jippreserva l-karattru ta’ Għawdex.
Fuq l-istess linji tkellmet ukoll il-Gozo Business Chamber meta saħqet li l-Gvern għandu jippreżenta policy ċara għall-ippjanar minħabba l-bini bla rażan li tiela’ f’Għawdex. Anke l-MEA, fil-proposti tagħha għall-Budget, ukoll għamlet pressjoni biex il-Gvern iwaqqaf dan il-proġett tal-mina – biex il-flus jitpoġġew fi proġetti li huma ta’ prijorità akbar.
Intant, il-GTA qed tipproponi wkoll diversi ideat favur it-tkabbir ekonomiku, b’risq in-negozji Għawdxin.
L-Assoċjazzjoni Għawdxija tat-Turiżmu trid li jiġi mtejjeb is-servizz tal-fast ferry, li jsir proġett ta’ water park, jinħolqu niċeċ turistiċi ġodda, jingħata taħriġ għall-ħaddiema u li jsir investiment f’faċilitajiet sportivi ġodda.
Il-GTA titkellem fid-dettall dwar l-ambjent, u tinsiti fid-dokument tagħha li issir policy speċifika għal Għawdex li tkun maqbula mal-Kunsilli Lokali u stakeholders oħrajn, isir infurzar biex jitħares il-baħar, u jiġu emendati il-policies rurali tal-Awtorità tal-Ippjanar.
//= $special ?>