Sport Sport Ieħor

Passi legali kontra Nick Kyrgios talli akkuża partitarja li kienet fis-sakra jew taħt l-effett tad-droga

(Ritratt: EPA)

Partitarja li kienet qed tassisti għall-finali ta’ Wimbledon qed tieħu passi legali kontra t-tennista Awstraljan Nick Kyrgios.

Il-partitarja kienet imkeċċija mill-court ċentrali waqt il-finali ta’ Wimbledon bejn Kyrgios u Novak Djokovic. Waqt din il-finali Nick Kyrgios ipprotesta mal-umpire u qal li din il-persuna kienet qiegħda ttelfu għaliex kienet probabilment fis-sakra jew ħadet xi droga. Fil-fatt wara dan l-ilment, Anna palus kienet imġiegħla tħalli l-istands.

Ilbieraħ permezz tal-avukati tagħha Anna Palus qalet li l-akkużi ta’ Kyrgios fil-konfront tagħha kienu mingħajr l-ebda bażi. Hi qalet li qed tiftaħ kawża għal kontra Kyrgios li bil-kummenti u l-aġir tiegħu ħammeġ ir-reputazzjoni tagħha. Palus kompliet tgħid li l-ħsara li sofriet kient mhux biss dakinhar tal-final, iżda saritilha ħsara anki wara peress li l-akkużi bla bażi ta’ Kyrgios fil-konfront tagħha kienu mxandra madwar id-dinja fejn miljuni ta’ nies qraw x’qal Nick Kyrgios lill-umpire.

Anna Palus qalet li tittama li Kyrgios jirrikonoxxi li żbalja u jħallas id-danni ta’ għemilu. Hi qalet li s-somma li tieħu mingħand Kyrgios se tgħaddiha lill-karita’.

L-inċident seħħ waqt it-tielet set tal-finali li kienet mirbuħa minn Novak Djokovic, fejn għal Kyrgios dik kienet l-ewwel finali Grand Slam tiegħu.