L-eks President tal-Istati Uniti Donald Trump irrikorra għall-mezzi legali bil-ħsieb li jwaqqaf l-aħħar proċeduri kontra tiegħu mill-FBI u meta hu jinsab fiċ-ċentru ta’ allegazzjonijiet li kien abbuża mir-responsabbiltajiet tiegħu bħala President.
Trump talab biex l-Imħallef li qed imexxi l-każ jiffriża l-investigazzjoni tad-Dipartiment tal-Ġustizzja – u meta bħalissa għaddej stħarriġ dwar kif l-eks President kien żamm fil-pussess tiegħu numru ta’ dokumenti mill-aktar sensittivi u ta’ interess nazzjonali; b’uħud immarkati bħala ‘top secret’.
L-aġenti tal-FBI kienu elevaw 11-il sett ta’ files mir-residenza ta’ Trump f’Mar-a-Lago, fl-Istat ta’ Florida. L-azzjoni kienet seħħet fit-8 ta’ Awwissu u Donald Trump kien ikkundannaha bħala ‘rejd mhux iġġustifikat fuq il-proprjetà tiegħu’.
L-investigazzjoni qed tibbaża fuq suspett li Trump kien ġarr dawn id-dokumenti mill-White House għar-residenza fi Florida u minflok għaddihom lill-Arkivji Nazzjonali bħalma titlob il-liġi.
Intant, it-tim legali ta’ Trump ħejja dokument ta’ 26 paġna fil-Qorti ta’ Florida u fejn qed jakkuża lid-Dipartiment tal-Ġustizzja dwar ‘aġir aggressiv u xokkanti’ relatat mat-tfittxija mill- uffiċjali tal-FBI fir-residenza tal-eks President.
L-avukati qalu li l-aġenti tal-FBI, waqt it-tfittxija, ma żammewx f’moħħhom “l-inkwiet li huma kienu se joħolqu lil ħafna Amerikani”.
//= $special ?>

