L-Uffiċjali fl-Ukrajna ċaħdu kategorikament li pajjiżhom kien responsabbli mill-qtil ta’ Darya Dugina, il-ġurnalista Russa u ‘apoloġista’ għall-Kremlin, li, il-ġimgħa l-oħra, tilfet ħajjitha fi splużjoni ta’ karozza-bomba ftit ‘il hinn minn Moska.
Intant, s-Segretarju Ukren għas-Sigurtà Nazzjonali u d-Difiża, Oleksiy Danilov, irredikola l-akkużi tar-Russja u tal-President Russu Vladimir Putin li qalu li Dugina inqatlet minn ‘terroristi sponsorjati mill-Gvern tal-Ukrajna’. Danilov , fl-istess ħin, enfasizza li l-Ukreni ma jemmnux f’azzjonijiet qattiela bħal dawn u li jimmarkaw lill-individwi partikulari.
Dugina, li kienet famuża bħala kummentatur ma’ stazzjon tat-televiżjoni Russu li jippromwovi politika riġida favur l-espansjoni tar-Russja, dejjem appoġġjat l-invażjoni tal-Ukrajna mill-qawwiet Russi. Lejn l-aħħar ta’ ħajjitha, Dugina kienet spiċċat mira għal sanzjonijiet mir-Renju Unit bħala persuna li ġġustifikat il-qtil ta’ ċivili Ukreni u talli mexxiet kampanja ta’ diżinformazzjoni dwar l-iżviluppi fil-gwerra tal-Ukrajna.
Intant, fir-Russja sar servizz ta’ tifkira għal din il-ġurnalista u ‘influencer’ li kienet it-tifla ta’ Alexander Dugin: filosfu, ideologu u konsulent ewlieni għall-President Putin. Mifhum li Dugin kien fost grupp żgħir ta’ nies influwenti li wasslu għall-invażjoni tal-Ukrajna u fl-aħħar sigħat hu talab ‘biex il-qawwiet Russi jirbħu l-gwerra attwali bħala l-aħjar mod biex jivvendikaw lil bintu’.
Qabel l-isplużjoni qattiela, Darya Dugina u Alexander Dugin kienu l-mistiedna ewlenin waqt festival u kien biss b’kumbinazzjoni li tal-aħħar iddeċieda li ma jidħolx fil-karozza ta’ bintu li nqerdet kompletament fl-isplużjoni, fil-limiti tal-villaġġ ta’ Bolshiye Vyazemy.
Intant, żdiedet l-ispekulazzjoni li Alexander Dugin – li jingħad li kien ipperswada lil Putin biex jaħtaf il-Krimea mingħand l-Ukrajna fl-2014 — kien il-vera mira għal dan l-attakk; bl-ideologu isofri attakk tal-qalb ftit wara li sar jaf bil-qtil tat-tifla tiegħu. Fl-aħħar sigħat ukoll, Vladimir Putin onora l-memorja ta’ Darya Dugina bil-konferma ta’ unur nazzjonali li jingħata għal kuraġġ u qlubija straordinarja.
Sadanittant, il-Gvern u l-Ministeri tad-Difiża u s-Sigurtà fi Kiev komplew jiċħdu għal sehem fl-isplużjoni li qatlet lill-ġurnalista jew li s-servizzi sigrieti tagħhom kellhom x’jaqsmu mal-attakk. Huma fl-istess ħin, qed iwaħħlu fis-servizzi sigrieti Russi waqt li jemmnu li dawn is-servizzi, x’aktarx, li riedu jeliminaw lil Dugina biex jiġġustifikaw spinta fl-attakki fuq iċ-ċivili fl-ibliet tal-Ukrajna.
Mykhailo Podolyak, wieħed mill-konsulenti mal-President Ukren Volodymyr Zelensky, qal li l-akkużi kontra pajjiżu huma kollha parti minn ‘kampanja ta’ propaganda li tifforma parti mid-dinja tal-fantasija li qed jibni l-Kremlin.’. Dan waqt li l-Gvern Ukren lanqas ma jeskludi li l-isplużjoni tal-karozza-bomba setgħet twettqet minn grupp ta’ aġenti sigrieti Russi li qegħdin jaħdmu biex iwaqqgħu lir-reġim ta’ Putin.
//= $special ?>

