L-eks Prim Ministru Awstraljan, Scott Morrison, kien tellef ‘b’mod fundamentali’ il-funzjoni tal-Gvern preċedenti wara li kien assuma responsabbiltà għall-Ministeri addizzjonali mingħajr ma kkonferma l-pass b’mod formali.
Dan qalu Stephen Donaghue, is-Solicitor-General Awstraljan u li hu t-tieni l-ogħla uffiċjal tal-liġi wara l-Avukat-Ġenerali tal-Awstralja.
Sadanittant – u minkejja l-kontroversja li qamet dwar l-aġir ta’ Morrison – Donaghue, waqt il-pariri tiegħu lill-Gvern attwali, tenna li l-azzjonijiet ta’ Morrison kienu ftit jew wisq legali fiċ-ċirkustanzi.
Madankollu, is-Solicitor-General ikkritika d-deċiżjoni ta’ Morrison biex ma jinfurmax lill-elettorat u lill-kollegi tiegħu dwar il-Ministeri addizzjonali. Dan waqt li Donaghue fisser l-aġir tal-eks-PM bħala ‘inkonsistenti mal-konvenzjonijiet tal-Gvern’.
Filwaqt li Morrison iddefenda l-pass bħala ‘neċessarju fi żmenijiet straordinarji’, il-Prim Ministru Awstraljan attwali, Anthony Albanese, fisser l-azzjonijiet ta’ Scott Morrison bħala ‘abbuż tad-demokrazija mingħajr preċedent’. Dan waqt li l-istess Albanese ħabbar li l-każ tal-‘Ministeri addizzjonali’ qed ikun suġġett għal investigazzjoni.
Fis-sentejn qabel tilef il-poter (f’Mejju), l-eks Prim Ministru Morrison kien iddelega lilu nnifsu bħala l-Ministru ‘konġunt’ għad-dekasteri tas-Saħħa; il-Finanzi; it-Teżor; l-Affarijiet Interni u l-Amministrazzjoni tar-Riżorsi.
Ħafna mill-Ministri nkarigati mid-dekasteri kkonċernati lanqas biss kienu jafu li huma kienu qegħdin jaqsmu r-responsabbiltajiet rispettivi ma’ Morrison –bil-kritika għall-eks Prim Ministru Awstraljan ma tonqos fl-aħħar ġimgħat.
Intant, kien il-Gvernatur-Ġenerali Awstraljan David Hurley – bħala r-Rappreżentant tar-Reġina Eliżabetta tal-Ingilterra – li kkonferma dawn il-ħatriet ministerjali għal Morrison. U Hurley, issa, żvela li hu ‘dejjem kellu l-impressjoni li l-eks Prim Ministru xi darba kellu jinforma lill-kollegi u lill-pubbliku dwar dan il-pass’.
//= $special ?>

