Lokali Turiżmu

“Dwar il-ground handling ma nafux x’se jiġri” – Josef Bugeja

Il-Ministru għadu ma ltaqax mal-GWU.

Hekk stqarr is-Segretarju tal-GWU Josef Bugeja f’intervista ma’ Net News, fejn fakkar li kienet hi li talbet biex issir laqgħa mal-Ministru Clyde Caruana u din għadha ma saritx.

“Le tlabna laqgħa kif għedtlek meta ħarġet l-aħbar, qalilna li se jagħti data u meeting mat-trade unions kollha, ma nafux jekk din hux se ssir mat-trade unions kollha jew waħda seperata”

Huwa qal li l-aħħar informazzjoni li għandu mill-Ministru hi li qed jiltaqa’ mal-Kummissjoni Ewropea; xi ħaġa li ilha xhur tissemma’ minn naħa tal-Gvern.

L-aħħar informazzjoni li għaddielna l-Ministru kien li għaddejjin diskussjonijiet mal-UE rigward l-AirMalta. Kienet ħarġet l-aħbar li se tingħalaq l-Air Malta u hemm tlabna laqgħa mal-Ministeru biex jagħtina spjega, sa hemmhekk għadna qed nistennew data biex niltaqgħu miegħu.

“Il-posizzjonijiet li qed jiddaħħlu mhux tal-ground handling”

Dwar kif qed issir l-ingaġġar ta’ nies ġodda mal-linja Nazzjonali tal-ajru huwa qal li evidenti li l-Air Malta issa għandha bżonn in-nies. Dan wara li l-ħaddiema spiċċaw imwarrba.

Naħseb xorta għad hemm il-bżonn li jkun hemm ix-xogħol ta’ kuljum u li taqdi l-klijenti, u dawn huma l-ħaddiema li qed jiddaħħlu bħalissa. Il-posizzjonijiet li qed jiddaħħlu mhux ground handling, għax il-ground handling kollu se jispiċċa, u dwar dan lanqas nafu x’se jiġri lanqas.

Dwar is-somom ghall-irtirar kmieni, u jekk dawn hux se jkunu estiżi għal dawk li m’applikawx fi Frar, Bugeja wieġeb hekk:

Nista’ nressaq it-talba biex jieħu inkunsiderazzjoni dawk il-ħaddiema li baqgħu mal-Air Malta, l-unika indikazzjoni bil-miktub hija għal dawk il-ħaddiema li talbu li jmorru mal-Gvern. Il-bażi jibqa’ dejjem l-impjiegi governattivi.”

Mistoqsi dwar kemm nies applikaw għas-somom, qal li sa issa għad m’għandux indikazzjoni għaliex – skont hu – l-applikazzjonijiet għadhom ma ħarġux.

“Sa issa għadha lanqas ħarġet l-applikazzjoni. Kemm niffirmawh illum jew għada.

Dwar il-futur tal-Air Malta u jekk hux se tagħlaq wara Diċembru huwa qalilna mill-ġdid li għadu qed jistenna l-laqgħa mal-Ministru.

“Sa issa kif għedtlek għadna qed nistennew laqgħa mal-Ministru biex jagħtina l-assigurazzjonijiet u jgħidilna aktar dwar il-futur tal-Air Malta, lanqas il-ħaddiema, kif ikollna indikazzjoni, inkunu nistgħu nkellmu l-Kumitati tax-Xogħol, imbagħad lill-membri tagħna.

Bugeja kkonfermalna li l-GWU tinsab biss f’kuntatt mal-Ministru Carauna dwar din is-sitwazzjoni fl-Air Malta.

Qed nitkellmu biss mal-Ministru Clyde Caruana li huwa responsabbli mill-Air Malta.

Din il-ġimgħa, il-Ministru stqarr li fl-Air Malta m’hemm xejn ħazin – għalkemm kollox jindika li l-Gvern lest jagħlaq il-linja nazzjonali tal-ajru. Xi ħaġa li ħadd għadu ma ċaħad.