Edukazzjoni Lokali

Id-deċiżjoni tal-Gvern “hi xokkanti” – KSU

Fi stqarrija maħruġa l-Erbgħa waranofsinhar, il-Kunsill Studenti Universitarji esprima id-diżappunt u l-frustrazzjoni tiegħu dwar id-deċiżjoni li jitnaqqsu l-flus għall-Università ta’ Malta, filwaqt li tenna li it-tnaqqis fil-fondi allokati lill-Università se jħalli madwar 11,300 student b’budget limitat li juri nuqqas ta’ prijorità li l-Gvern qed jagħti lill-edukazzjoni terzjarja.

It-tħassib ewlieni tal-KSU jiffoka fuq kif dan it-tnaqqis se jkollu impatt sostanżjali fuq bosta proġetti ta’ riċerka pendenti li qegħdin isiru fl-Università, u apparti minn hekk il-Gvern ser ikun qiegħed iċaħħad lill-Università ta’ Malta minn fondi meħtieġa sabiex din topera bl-aħjar mod possibli.

Wieħed tajjeb li jinnota li Malta diġa tikklassifika fost l-inqas fl-Ewropa fejn jidħol investiment fir-riċerka u l-iżvilupp … u permezz ta’ din id-deċizjoni tal-Gvern, dan se jkompli jieħu daqqa l’isfel.

Il-KSU saħaq li deċiżjonijiet bħal dawn huma indikazzjoni ċara ta’ kemm ir-riċerka qed tiġi mbuttata ‘l isfel fil-lista ta’ prijorità tal-Gvern.

Qabel din id-deċiżjoni, l-KSU tenna li l-Università ta’ Malta diġa kellha diversi problemi finanżjarji, u dan se jkompli jxekkel lill-istess Università milli tinvesti fl-essenzjali – bħas-servizz ta’ librerija li topera 24 siegħa kuljum; kwistjoni li l-KSU qajjem f’diversi okkażjonijiet  iżda sfortunatament dejjem ingħatat il-ġenb.

Il-KSU saqsa b’mod dirett: Fejn se jiefqu dawn id-deċiżjonijet?

Filwaqt li dan it-tnaqqis mhux se jaffettwa s-salarji u servizzi essenzjali, il-KSU jesprimi t-tħassib tiegħu dwar aktar tnaqqis li jista’ jseħħ fil-futur u li jista’ jkollu impatt fuq l-ispejjeż essenzjali tal-Università.

Il-Kunsill Studenti Universitarji qal li din il-kwistjoni għandha tiġi diskussa b’urġenza mal-Ministru tal-Edukazzjoni Clifton Grima.