Wara tberbiq bla rażan minn naħa tal-Gvern b’miljuni jintefqu fuq persons of trusts issa kellu jaqa’ biex jimplimenta miżuri ta’ awsterità bl-ewwel vittma tkun is-settur tal-edukazzjoni. Fil-fatt il-Gvern se jkun qed inaqqas il-finanzjament tiegħu lill-università b’€1.1 miljun din is-sena, bil-prospett li dak il-baġit imnaqqas japplika wkoll għall-2023- 24 sena akkademika.
Dan it-tnaqqis jikkuntrasta ferm ma’ dak li kien wiegħed l-istess gvern li nefaq €2 miljuni fi propaganda għall-aħħar budget u li wiegħed li l-edukazzjoni se tkun prijorità. Din id-deċiżjoni li tnaqqas il-baġit tal-Università ġejja wkoll ftit xhur biss wara li l-Partit Laburista wiegħed, bħala parti mill-manifest elettorali tiegħu tal-2022, li jżid il-finanzjament tar-riċerka għal 2% tal-PGD nazzjonali.
Filwaqt li jingħataw l-impiegi lil tal-qalba, mpiegi li wħud minnhom huma wkoll fantażma, l-Università ta’ Malta mhux se tkun tista’ timpjega ħaddiema ġodda sakemm ma jkunx meħtieġ b’mod kritiku u xi korsijiet u inizjattivi jistgħu jibdew aktar tard milli kien ippjanat oriġinarjament, dan riżultat li l-gvern naqqas il-baġit tiegħu għall-università nazzjonali b’aktar minn 1%.
Fuq nota piożittiva mhux se jkun hemm sensji ta’ħaddiema, salarji mnaqqsa jew tnaqqis fir-riżorsi tat-tagħlim għall-akkademiċi riżultat tat-tnaqqis. Lanqas mhuma se jitnaqqsu ispejjeż fuq il-kotba, it-tagħmir u l-makkinarju, is-software u riżorsi oħra ta’ tagħlim. Madankollu l-letturi jridu jagħmlu l-almu tagħhom biex jaħdmu b’dak li diġà għandhom, u jinsew kull spiża straordinarja jekk din tiġi ħabta u sabta.
Korsijiet li diġà ġew ippreżentati u miftuħa għall-iskrizzjoni mhux se jiġu affettwati. Il-baġit totali annwali tal-Università jdur għal madwar €120 miljun fis-sena. Madwar 20%, jew €24 miljun minn dak huwa profitt li l-Università tiġġenera permezz ta’ miżati tal-istudenti, miżati tal-programmi ta’ filgħaxija u konsulenzi fost oħrajn.
Il-bqija madwar €96 miljun ġej minn fondi tal-gvern, li minnhom €1.1 miljun se jitnaqqsu mis-sena skolastika li jmiss. Dan ifisser li t-tnaqqis tal-gvern jammonta għal 1.1% tal-fondi annwali tiegħu lill-Università ta’ Malta. Minkejja li t-tnaqqis jidher żgħir huwa sinifikanti meta jitqies li 85% tal-baġit kollu tal-Università jmur għas-salarji u 10% imur għas-servizzi essenzjali.
Għalhekk mhux se jibqa’ wisq biex wieħed jimmanuvra d-diversi bżonnijiet u titjib oħra. Meta wieħed jieħu kont taż-żidiet fis-salarji u l-inflazzjoni fuq nefqa oħra, it-tnaqqis tal-baġit rikorrenti stmat se jammonta għal bejn €3 u €5 miljun. Dan għaliex is-salarji huma marbuta li jiżdiedu bi ftehim kollettiv.
It-tnaqqis jaf jaffettwa wkoll il-fondi għar-riċerka, għalkemm dan għadu mhux ikkonfermat. Malta regolarment tikklassifika fost l-Ewropa li għadha lura fejn tidħol l-investiment hekk imsejjaħ R&D (riċerka u żvilupp). L-amministrazzjoni tal-università issa qed tħares lejn modi kif it-tnaqqis fil-baġit ikun inqas ikraħ.
Trid tħabbel aktar moħħha u tieħu aktar inizjattivi profittabbli, tal-inqas bi ftit – tal-inqas biżżejjed biex ipattu għat-tnaqqis fil-fondi. Jridu wkoll jinstabu modi kif jitjiebu s-servizzi fosthom biex jiġu attirati u jinżammu aktar studenti barranin.
Ix-shadow Minister tal-Partit Nazzjonalista Justin Schembri diġa kkummenta dwar dan fejn ikkritika lill-gvern għan-nuqqas ta’ impenn tiegħu lejn is-settur edukattiv, minkejja l-islogan ta’ propaganda tiegħu “Malta li rridu għal uliedna”.
Qal li d-deċiżjoni tal-gvern għalhekk effettivament fissret li l-università ma jkollhiex fondi biżżejjed biex tissodisfa l-bżonnijiet tagħha b’mod adegwat. Schembri rrimarka li dan kien l-istess gvern li nefaq €2 miljuni fi propaganda għall-aħħar budget u li wiegħed li l-edukazzjoni se tkun prijorità.