Internazzjonali

Il-Gwerra fl-Ukrajna: Il-Papa jħeġġeġ mill-ġdid għall-waqfien tal-konflitt

Il-Papa Franġisku, fl-aħħar sigħat, tkellem dwar Jum l-Indipendenza tal-Ukrajna waqt l-udjenza ġenerali ta’ kull ġimgħa fil-Vatikan u fejn insista għal passi konkreti lejn it-tmiem tal-konflitt fl-artijiet Ukreni.

Il-Papa anki ħeġġeġ biex il-qawwiet avversarji fl-Ukrajna jbiegħdu l-possibbiltà ta’ katastrofi nukleari oħra minħabba li l-qawwiet Russi qed jużaw il-faċilità nukleari ta’ Zaporizhzhia  (li hi l-akbar faċilità fl-Ewropa) biex imexxu l-attakki fuq il-militar u ċivili Ukreni.

Il-Kap tal-Kattoliċi kkundanna l-gwerer bħala ‘ġenn assolut’ waqt li esprima wkoll simpatija għall-qtil, ġranet ilu, ta’ Darya Dugina — ġurnalista u difensur tal-gwerra li kienet anki t-tifla ta’ ideologu estremista li hu viċin ħafna tal-President Russu Vladimir Putin.

Il-messaġġ tal-Papa rriserva wkoll kundanna għall-kummerċjanti tal-armi li qegħdin japprofittaw mill-gwerer u li hu sejjaħ bħala ‘delinkwenti u għedewwa tal-umanità’.