Internazzjonali

Il-Kolombja: Tħassib dwar il-qtil ta’ żgħażagħ indikati bħala ‘għedewwa tal-Gvern’

L-awtoritajiet fil-Kolombja arrestaw għaxar uffiċjali tal-pulizija suspettati dwar involviment fil-qtil ta’ tliet żgħażagħ li, x’aktarx, ma kienu involuti fl-ebda reat.

It-tliet vittmi kollha qalgħu tiri fatali waqt li kienu qed jinżammu taħt arrest fil-provinċja ta’ Sucre u r-rapporti qalu li kurunell tal-pulizija – l-ogħla uffiċjal minn fost l-għaxar suspettati – x’aktarx li ħarab mill-pajjiż.

Il-kurunell issemma bħala Benjamin Nunez u fl-aħħar sigħat, l-Interpol ħareġ allert (red notice) relatat għall-kurunell  u fost  indikazzjonijiet li Nunez, bħalissa, jinsab il-Messiku.

Il-prosekuturi qalu li l-pulizija allegaw li t-tliet żgħażagħ kienu membri tal-grupp kriminali ‘Gulf Clan” u li dawn, qabel, kienu involuti fil-qtil ta’ membru tal-korp.

Fil-Kolomba tallum hemm is-suspetti qawwija li diversi ċivili qegħdin jinqatlu għal xejn b’xejn mill-pulizija u l-militar li, imbagħad, qegħdin joħorġu r-rapporti foloz dwar ‘l-eliminazzjoni ta’ ribelli u għedewwa oħra tal-Istat’.

Investigazzjoni li saret is-sena l-oħra kkonfermat li l-militar tal-Kolombja qatel ‘il fuq minn 6,400 persuna bejn l-2002 u l-2008 u fejn kien ittimbra lill-vittmi bħala ‘ġellieda tal-għadu’ mingħajr l-iċken ħjiel ta’ provi.

Il-qtil, fil-parti kbira, kien seħħ waqt l-eqqel tal-konflitt armat bejn il-qawwiet tal-Gvern Kolombjan u r-ribelli tax-xellug. Filwaqt li ħafna każi ta’ omiċidju kienu dovuti għall-militar aktar milli l-pulizija, il-qtil tat-tliet żgħażagħ, li kien seħħ fl-aħħar ta’ Lulju, għadu qed iqajjem allarm kbir fost il-poplu.

Il-Ġeneral Jorge Luis Vargas, li se jispiċċa minn Kap Ewlieni tal-Pulizija Kolombjana, għamilha ċara li kwalunkwe uffiċjal li jinqabad li kellu sehem fil-qtil taż-żgħażagħ għandu jiffaċċja l-konsegwenzi skont il-liġi. Dan waqt li spiċċa sospiż il-kap tal-pulizija fil-provinċja ta’ Sucre.

Intant, sar magħruf li t-tliet żgħażagħ kienu ħajjin meta nżammu mill-pulizija li tefgħuhom kollha f’vann. Dan qabel it-tobba ddikjaraw lit-tlieta mejtin ladarba huma twasslu lejn l-isptar bl-istess vettura. Ir-rapporti mediċi qalu li t-tlieta – li l-etajiet tagħhom kienu jvarjaw minn 18 sa 26 sena — kienu qalgħu diversi tiri ta’ arma mill-viċin.