Wara l-pressjoni li għamel il-Partit Nazzjonalista lill-Ministru Owen Bonnici biex iwieġeb dwar il-ftehim misterjuż li sar ma’ operatur privat għall-użu ta’ Palazzo Vilhena fl-Imdina bħala ristorant għal skopijiet kummerċjali, illum il-Ministru ammetta li kiser ir-regolamenti li japplikaw għall-entitajiet pubbliċi.
Dawn kienu l-kummenti ta’ Julie Zahra Kelliem għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Kultura. Hija qalet li Owen Bonnici, l-ewwel qal li dawn it-tip ta’ arranġamenti isiru b’mod regolari u issa qed jgħid li Heritage Malta għamlet dan bħala parti minn market research! Madankollu, il-Partit Nazzjonalista ma jistax jifhem x’market research hemm bżonn biex jiġi stabbilit li sit ewlieni fid-daħla tal-Imdina għandu potenzjal kummerċjali kbir. Jekk verament kien hemm il-ħtieġa, li fil-fatt ma teżistix, din kellha tkun regolata b’sejħa pubblika u b’hekk jitmexxa proċess trasparenti mill-bidu sa l-aħħar.
Iżda dak li ġara kien bil-kontra għax Heritage Malta ma ħarġet l-ebda sejħa pubblika għal “market research” fuq Palazz Vilhena u għalhekk il-Ministru ammetta ksur tar-regolamenti finanzjarji tal-Istat minn aġenzija pubblika li taqa’ taħt ir-responsabbiltà politika tiegħu.
Għalhekk, il-Ministru Owen Bonnici baqalu jwieġeb:
1. X’kien id-dħul ta’ Heritage Malta? €50 kuljum jew 8% mill-bejgħ?
2. Kemm kien il-bejgħ totali tul il-perjodu tal-ftehim?
3. Kemm daħħlet Heritage Malta minn dan il-ftehim?
4. Heritage Malta kellha tħallas xi fondi bħal overtime għall-ħaddiema li jaħdmu fil-Mużew tal-Istorja Naturali biex jiftħu s-sit għall-operatur privat?
5. Kemm kienu dawn l-ispejjeż?
6. Heritage Malta se tippublika r-riżultat tal-“market research” li sar? U x’konklużjonijiet ħarġu?
7. Il-kuraturi ta’ Heritage Malta qed ikunu involuti u kkonsultati f’dan kollu?
8. Inħarġu jew intalbu biex jinħargu l-liċenzji meħtieġa mill-awtoritajiet tat-turiżmu biex Heritage Malta topera stabbiliment tal-catering f’dan il-Mużew?
Fuq kollox, Owen Bonnici jeħtieġ li jkun ċar ukoll jekk din hix ser tkun l-istrateġija li qed jimponi fuq Heritage Malta, taħt il-pressjoni dejjem tikber biex jiġu ġġenerati fondi, hekk kif għat-tielet sena konsekuttiva Heritage Malta tilfet aktar minn miljun ewro.
//= $special ?>

